Il-Ministeru għall-Finanzi għamel referenza għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar l-introduzzjoni ta’ taxxi fuq l-industrija finanzjarja, fejn saħaq li r-reviżjoni ta’ dawn il-miżati kienet waħda mir-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-IMF lill-MFSA, u tali reviżjoni tqieset meħtieġa biex tkopri r-riżorsi meħtieġa mill-Awtorità għat-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji u regolatorji tagħha vis-à-vis dawk il-persuni li fuqhom qed jiġu imposti tali miżati.
Iż-żieda fil-miżati tal-liċenzja qed timmira lil dawk is-setturi li huma esposti għal ċerti riskji, għalhekk kuntrarjament għall-impressjoni li ta l-PN, il-familji mhux se jintlaqtu.
Ta’ min jinnota li l-imsemmija funzjonijiet żdiedu b’mod sostanzjali matul l-aħħar għaxar snin, kif ukoll is-settur tas-servizzi finanzjarji, iżda l-miżati dovuti lill-Awtorità ġeneralment baqgħu ma nbidlux mill-2014.
Għalhekk, din ir-riforma hija biss konsegwenza naturali tal-bidliet u żviluppi li seħħew matul l-aħħar għaxar snin. Barra minn hekk, bħala ġuriżdizzjoni finanzjarja internazzjonali, Malta ma tistax tattira investituri prospettivi u detenturi ta’ liċenzji sempliċement għax hija irħisa b’mod mhux raġonevoli.
Minkejja ż-żieda fil-miżati, Malta tibqa’ kompetittiva meta mqabbla ma’ ġurisdizzjonijiet oħra. L-imsemmija miżati nġabru biss biżżejjed biex ikopru parzjalment ir-riżorsi msemmija hawn fuq mingħajr ma jaqbżu l-miżati ekwivalenti stabbiliti f’ġurisdizzjonijiet oħra.
Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li ftit xhur ilu saret sessjoni ta’ konsultazzjoni mal-‘iStakeholder Panel’ imwaqqaf mill-MFSA li fiha ġiet ippreżentata l-istruttura proposta ġdida tal-miżati lir-rappreżentanti kollha tal-industrija li jiffurmaw parti minn din il-Panel. Ir-rappreżentanti għas-setturi tas-servizzi finanzjarji kollha li jaqgħu fl-ambitu tar-regolamenti proposti ngħataw l-opportunità li jipprovdu feedback dwar il-miżati riveduti. Wara din is-sessjoni, wasal rispons mill-korpi rappreżentattivi msemmija hawn fuq, li tqies waqt il-proċess ta’ l-abbozzar. Minkejja dan, kien hemm qbil ġenerali mir-rappreżentanti li attendew li r-riformaproposta tal-miżati kienet ilha mistennija.