Iktar persuni fil-Partit Nazzjonalista qed jistħarrġu x’appoġġ jista’ jkollhom jekk jikkontestaw għall-Kap tal-Partit.
Għalkemm Roberta Metsola hija l-kandidat favorita tal-establishment hemm min xorta waħda qed jikkunsidra jitfa’ ismu anke għax kien imħeġġeġ jagħmel dan minn fazzjonijiet differenti tal-partit.
Anke jekk kienu parti mill-grupp tat-tmexxija li qal li mhux se jerġa’ jfittex li jkun elett fl-istess kariga tiegħu, Beppe Fenech Adami u Ann Fenech m’huma jeskludu xejn.
Fenech Adami kien fost l-iktar voċiferi fil-grupp biex ma jirriżenjawx ilkoll wara d-disfatta tas-sibt u jekk kemm –il darba jiddeċiedi li jitfa’ ismu fit-tellieqa se jkun qed jargumenta li hu telaq minn Viċi-Kap u jekk jinħatar Kap ikun jista’ jagħti l-partit id-direzzjoni li jrid hu.
Argument simili tista’ tagħmlu Ann Fenech li għalkemm mhi teskludi xejn hemm inqas ċans li tgħażel li tikkontesta. Anke għax kienet fost dawk li minkejja l-appelli kontinwi ma kkontestawx l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Mhu jeskludi xejn lanqas Pierre Portelli, id-Direttur Maniġerjali ta’ The Malta Independent li lagħab parti importanti mill-kampanja tal-Partit Nazzjonalista billi uża l-gazzetti li qed imexxi bħala parti mill-pjattaforma li l-PN kellu bżonn biex iwassal il-messaġġ tiegħu.
Saħansitra bħal Simon Busuttil għamel ukoll konferenzi tal-aħbarijiet quddiem il-qorti. Portelli wkoll qed jara x’inhuma l-ħsibijiet fil-PN u imkejjen li s-soltu jkunu mgħarrfa sew qalu li l-probabbiltà kbira hi li jkun wieħed mill-kandidati għal xi waħda mill-ogħla karigi fil-partiti.
Jibqgħu jissemmew ukoll l-ismijiet ovvji bħal Chris Said u Claudio Grech li t-tnejn huma interessanti bil-kbir.
B’dan tal-aħħar huwa l-kandidat li qed isib l-iktar tfixkil mill-establishment li fil-PN irid lil Roberta Metsola.