F’inqas minn 24 siegħa, minkejja ċ-ċaħda kategorika tal-gideb ippubblikat mill-blogger Daphne Caruana Galizia u d-dikjarazzjoni min-naħa tal-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona li se jibda passi legali fil-konfront tagħha, hija reġgħet ippubblikat storja oħra mimlija gideb u fittizja dwar fejn kien il-Ministru Cardona lbieraħ waranofsinhar waqt żjara uffiċjali tal-Gvern fil-Ġermanja.
Fi stqarrija ġie spjegat li fost il-gideb li ppubblikat fil-blog tagħha, Daphne Caruana Galizia għamlet ukoll allegazzjonijiet serji fuq Dr Joseph Gerada, konsulent li kien qed jakkompanja lill-Ministru fuq xogħlu. Dr. Gerada issa m’għandu wkoll l-ebda triq ħlief li jipproċedi legalment fil-konfront ta’ Caruana Galizia.
L-istqarrija tal-Ministeru tgħid li f’din il-kampanja qarrieqa ħareġ ċar kemm l-Oppożizzjoni u Daphne Caruana Galizia qed jiġbdu l-istess ħabel. L-unika arma li għandhom hija li jitfgħu l-ħmieġ bit-tama li jxekklu ħidmet il-Gvern u jinqdew bil-pjattaforma tal-blog ta’ Caruana Galizia bħala lok għal gideb li ġurnal serju qatt ma’ jista’ jassoċja ruħu miegħu.
Il-Ministru Cardona qal li jqis dawn l-attakki sfaċċati u bla bażi bħala xejn aktar ħlief vjolenza morali u assasinju tal-karattru li qed ixeklu d-dinja tar-rapurtaġġ politiku.
l-Ministru assigura li l-provokazzjoni mhi se twassal imkien, u l-ħidma tiegħu fil-Gvern għall-ġid tal-pajjiż se tkompli.