Skont cifri tal-Eurostat, fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Mejju, ir-rata ta’ opportuntajiet ta’ xogħol f’Malta kienet tlaħħaq it-2.7%. Dan jindika li min iħaddem għandu biżżejjed xogħol għal iżjed persuni minn dawk li diġà jħaddem bħalissa.
Din hija l-ewwel darba li n-numru ta’ opportunitajiet u postijiet tax-xogħol f’Malta, qabeż lil dawk li qed ifittxu impjieg. Dan kollu huwa frott il-ħidma għaqlija tal-Gvern Malti taħt Robert Abela, anki meta wieħed jikkunsidra ċ-ċirkostanzi internazzjonali u l-isfidi bla preċedent li nħolqu mill-elfejn u għoxrin ’l hawn.
Ir-riżultati rreġistrati fis-suq tax-xogħol jindikaw li l-istat tal-ekonomija f’pajjiżna hu tajjeb ħafna meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa, fejn il-postijiet tax-xogħol huma ferm inqas minn nofs ir-rata ta’ qgħad. Dan ifisser li bilkemm hemm xogħol għal nofs dawk kollha li qed ifittxu x-xogħol.
Huwa ċar li din ir-rata qed tiżdied, kif jixhdu r-riżultati ta’ pajjiżna fir-raba’ kwart tas-sena l-oħra u l-ewwel kwart ta’ din is-sena.
Dan ifisser li minkejja li l-opportunitajiet ta’ xogħol qed jiżdiedu b’rata għolja, il-prospetti huma li jkun hemm aktar tkabbir, hekk kif min iħaddem f’pajjiżna għadu jara li jimpjega aktar nies.
Qabel tela Gvern Laburista ġdid, għaxar snin ilu, fl-2013, ir-rata ta’ nies bla xogħol kienet 15-il darba ta’ dik tal-postijiet tax-xogħol fil-pajjiż, illum din hi inqas. Ifisser li, jekk qabel dawk qegħda, kienu jridu jikkompetu ħafna biex isibu xogħol, illum l-istorja hija differenti minħabba li l-opportunitajiet huma iktar.
Fl-ewwel kwart tal-2013, qabel seħħet il-bidla fil-Gvern, ir-rata ta’ opportunitajiet ta’ xogħol fil-pajjiż kienet biss ta’ 0.4%, jew kważi seba’ darbiet inqas milli hi llum il-ġurnata.
Dan kollu jmur kontra dak li qal ftit ilu Lawrence Gonzi, li reġa’ tfaċċa fl-arena politika biex ipatti għad-dgħjufijiet tal-Kap attwali Bernard Grech.
Għalkemm l-istorja tindika mod ieħor, Lawrence Gonzi stqarr li sal-2013, ix-xogħol kien jiġri wara l-ħaddiema. Ta’ min ifakkar li l-politika ta’ GonziPN kienet staġnat l-ekonomija, splodiet il-qgħad u għabbiet lill-poplu bl-agħar piżijiet possibbli.
Wara tliet snin ta’ pandemija u l-kriżi bla preċedent tal-enerġija bil-Gwerra fl-Ukrajna, fit-tieni kwart ta’ din is-sena Malta kellha rata ta’ opportunitajiet ta’ xogħol li tisboq ferm ir-rata ta’ nies li jfittxu x-xogħol.
Ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna hija fl-aktar livell baxx li qatt kienet fl-istorja.