Ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-ktieb u l-Kunsill Malti għall-Arti; ftehim ta’ tliet snin maħsub biex jiffaċilità l-integrazzjoni tal-ideat għall-komunità kreattiva.
Dan il-Memorandum of Understanding se jsaħħaħ u jissimplifika l-kollaborazzjoni li teżisti diġà bejn dawn l-entitajiet.
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, qal li din ir-rabta se toffri vetrina lit-talent lokali u tixgħel dawl fuqu.
Huwa ħabbar li, mit-23 sas-27 ta’ Novembru li ġej, se ssir wirja għall-festival tal-ktieb li fiha awturi, disinjaturi, u persuni oħrajn li jkollhom x’jaqsmu mal-illustrazzjoni tal-kotba ikollhom l-opportunità li jmorru f’fieri barra minn pajjiżna.
Qal, “Qed nagħtu l-opportunitajiet li l-illustraturi lokali jitilgħu mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, pereżempju waqt il-London Book Fair, li hija waħda mill-ikbar fieri tal-kotba fl-Ewropa, biex b’hekk jesportaw xogħolhom u jiltaqgħu ma’ pubblikaturi barranin li jkunu lesti biex jinvestu fil-ktieb Malti. Ovvjament, dan huwa pass importanti ħafna għaliex b’dan il-mod qed nagħtu l-opportunità li ma nibqgħux konfinati fil-pajjiż tagħna u x-xogħol jibda joħroġ hemm barra.”
Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, spjegat li din l-inizjattiva hija parti sostanzjali mill-Istrateġija l-ġdida bejn issa u l-2025 li tnediet mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Qal, “Is-settur tal-Arti huwa marbut ħafna ma’ dak tal-ktieb fejn, speċjalment, jidħlu l-illustraturi, id-disinjaturi, u għalina importanti bħala settur tal-arti li naqsmu l-esperjenzi, naqsmu l-ħidma, naqsmu kollaborazzjonijiet ma’ setturi oħrajn inkluża dik l-industrija tal-pubblikazzjoni.”
Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni. Clifton Grima, li qal li inizjattivi bħal dawn juru b’mod ċar it-triq ’il quddiem.
Minn naħa tiegħu, l-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici, tkellem dwar il-valur li jagħti l-ktieb fil-ħajja tagħna.