Is-sena li għaddiet, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, ħadmet ma’ wieħed u għoxrin elf, erba’ mija u disgħin persuna, f’akar minn tnejn u għoxrin elf każ.
Minn dawn iċ-ċifri jirriżulta li fuq is-snin ta’ qabel, aktar minuri u anzjani għamlu użu mis-servizzi tal-FSWS.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, spjega li ż-żieda fl-istatistika tal-minuri li wżaw is-servizzi tal-FSWS, tirrifletti l-ħidma fl-aħħar sentejn minn mindu ddaħħlet fis-seħħ il-liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal.
Hawnhekk tkellem dwar il-ħidma tad-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri.
Qal, “Iċ-Child Protection għandu obbligu ma tantx hu sabiħ imma importanti ħafna, li jassigura li t-tfal kollha f’Malta jkunu f’ambjent li huwa tajjeb u pożittiv, u fejn ma jkunx hekk, fejn il-ġenituri jkunu qed jonqsu mid-dmirijiet tagħhom, ikollhom imorru għal care order li effettivament tfisser li t-tfal jittieħdu minn mal-familji tagħhom.”
Minn hemmhekk, jidħol id-Direttorat tal-Kura Alternattiva.
Qal, “Ġeneralment, qegħdin ikunu ma’ foster carers u aħna dejjem nappellaw li aktar nies jersqu ’l quddiem, jiftħu qalbhom u darhom biex jiffosterjaw, u meta l-fostering ma jkunx possibbli, għandna tfal jgħixu fi djar fil-komunità. Per eżempju, għandna gruppi ta’ sitt aħwa, ħamest aħwa, li nżommuhom flimkien f’dar normali li nikru mis-settur privat biex huma jikbru bħala familja.”
Fejn jidħlu l-anzjani, Grixti spjega li dawn ukoll jgħaddu minn sitwazzjonijiet soċjali li jkunu jeħtieġu l-għajnuna.
Uħud minnhom ikunu dwar kwistjonijiet ta’ wirt, fejn issir ħidma mal-Kummissarju tal-Anzjani biex jiġi assigurat li d-drittijiet tal-anzjani ma jkunux mittiefsa.
Imma hemm ukoll każijiet aktar sensittivi.
Qal, “Fl-anzjani wkoll ikollna problemi ta’ vjolenza domestika, kemm bejn l-anzjani nfushom stess u anki t-tfal tagħhom, speċjalment tfal li jkunu qed jabbużaw minn xi sustanza jew l-alkoħol u jkunu vjolenti mal-ġenituri anzjani tagħhom għax ikunu jridu l-flus għall-vizzju.”
L-eluf ta’ vittmi li kull sena jfittxu l-għajnuna mingħand l-FSWS, jiġu mitkellma minn professjonisti mħarrġa u dedikati.
Alfred Grixti spjega li minn entità li timpjega tliet mija u ħamsin impjegat tmien snin ilu, illum il-ħaddiema fl-FSWS jgħoddu kważi l-elf.
Qal, “Hawnhekk tiġi għax għandek vokazzjoni li tgħin lin-nies u ninsabu anki per eżempju f’diskussjonijiet mal-MCAST kif jistgħu jibdew noffru taħriġ u korsijiet komparabbli ma’ tal-Università biex min irid jagħżel l-MCAST u jiġi jaħdem f’dan il-qasam, jista’ jagħmilha wkoll.”