Nofs l-istudenti li għamlu l-eżerċizzju tal-benchmark 2016 kisbu 73 marka jew aktar fil-Malti u fl-Ingliż u 78 marka jew aktar fil-Matematika.
Il-benchmark din is-sena sar fl-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju, fi 62 Skola Primarja tal-Istat, 22 skola Primarja tal-Knisja u 7 skejjel Primarji Indipendenti. Kien hemm 1,682 tifel (46%) u 1,945 tifla (54%), b’total ta’ 3,627 student u studenta li daħlu għal din l-esperjenza. Dan in-numru jirrappreżenta 93% tal-istudenti kollha li setgħu jagħmlu l-benchmark.
Fil-Malti l-istudenti kellhom sessjoni ta’ Taħdit (20 marka), sessjoni ta’ Fehim mis-Smigħ (20 marka), sessjoni ta’ Fehim mill-Qari (30 marka) u sessjoni ta’ Kitba (30 marka). Il-marka medjana nazzjonali f’kull taqsima kienet: 17 fit-Taħdit, 15 fis-Smigħ, 23 fil-Qari u 19 fil-Kitba. Il-marka medjana nazzjonali fil-Malti kienet 73.
Fl-Ingliż it-taqsimiet kienu l-istess bħal dawk fil-Malti. Fit-Taħdit il-marka medjana nazzjonali kienet 17, fil-Fehim mis-Smigħ 18, fil-Fehim mill-Qari 21 u fil-Kitba 17. Il-marka medjana nazzjonali fl-Ingliż kienet 73.
Fil-Matematika kien hemm żewġ taqsimiet: il-Mental Paper (20 marka) u l-karta tal-Kitba (80 marka). Il-marka medjana tal–Mental Paper kienet 17 u dik tal-karta tal-Kitba kienet 61. Il-marka medjana nazzjonali fil-Matematika kienet 78.
Kull karta tal-benchmark ġiet immarkata minn żewġ assesjaturi mingħajr ma nkiteb xejn fuq l-iskritt biex ma jinfluwenzawx lil xulxin. Dan l-eżerċizzju sar minn 122 assesjatur: 50 għall-karti tal-Malti, 44 għall-karti tal-Ingliż u 28 għall-Matematika.
Ir-riżultati miksuba mill-istudenti ntbagħtu lill-iskejjel fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u lill-istudenti kollha ntbagħtulhom fis-7 ta’ Lulju 2016. Fihom kien hemm indikata l-marka miksuba minn kull tifel u tifla f’kull taqsima tat-tliet suġġetti li fihom it-tfal kienu assessjati fil-benchmark. Kien hemm indikat ukoll il-marka medjana nazzjonali għal kull taqsima tat-tliet suġġetti u għal kull suġġett. B’hekk il-ġenituri setgħu jiġġudikaw huma stess kif marru wliedhom f’kull suġġett u kif jipparagunaw mal-marka medjana nazzjonali.
Matul din is-sena saru diversi laqgħat ta’ informazzjoni u diskussjoni dwar il-Benċmark mal-ġenituri, l-għalliema u mal-kapijiet tal-iskejjel, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Il-karti flimkien mal-iskemi tal-marki tal-Benċmark 2016 se jkunu jistgħu jitniżżlu mis-sit elettronikuhttp://www.curriculum.gov.mt taħt it-taqsima Benchmark – Year 6 jew billi tidħol http://curriculum.gov.mt/en/Examination-Papers/Pages/bm-papers-2016.aspx