Waqt żjara uffiċjali f’Monaco għall-Monaco Yacht Show, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg kellu l-opportunità jiltaqa’ ma bosta esponenti tal-industrija marittima. Il-ministru kien akkumpanjat mill-uffiċjali għolja ta’ Transport Malta.
Filwaqt li esprima l-appoġġ tiegħu għal din l-industrija, il-Ministru Borg iddiskuta l-potenzjal għal iktar investiment minn din l-istess industrija f’pajjiżna.
Il-Ministru Borg tenna li “r-reġistru tal-bandiera Maltija llum jgħodd iktar minn 800 yacht ta’ daqs ikbar minn 24 metru. Dan ifisser li r-reġistru f’Malta kiber b’aktar minn 10% fuq is-sena li għaddiet. Dawn ir-riżultati juru l-impenn tal-gvern lejn dan is-settur fejn f’pajjiżna qegħdin noffru qafas u strutturi li huma serji, rispettabli u effiċjenti. Din hija direzzjoni li fuqha se jkompli jimxi dan il-gvern filwaqt li tkompli l-ħidma mal-istakeholders ta’ dan is-settur biex b’hekk ir-relazzjoni tajba li ġiet mibnija tkompli tiġi msaħħa. Nemmen fl-importanza ta’ diskussjoni kontinwa f’kull qasam inkluż ma’ din l-industrija”.
Il-Ministru ħabbar ukoll li issa l-yachts kummerċjali jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ taxxa fuq it-tunellaġġ, li għadha kemm ġiet approvata mill-Unjoni Ewropea. Din l-iskema tgħin biex iktar sidien ta’ yachts jitħajru jirreġistraw il-yacht tagħhom f’pajjiżna. Minbarra l-investiment ekonomiku kbir li dawn ir-reġistrazzjonijiet iġibu lejn pajjiżna, qegħdin jgħinu biex Malta tikkonsolida ruħha bħala bandiera marittima ewlenija anke fil-qasam tal-yacht. Malta qed tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja marittima fuq bosta fora internazzjonali.
Il-ministru kompla billi semma kif Transport Malta issa ppubblikat linji gwida għall-industrija biex tiffaċilita r-regoli fuq dak li jġorru yachts mhux kummerċjali b’iktar minn 12-il passiġġier u linji gwida għall-kiri ta’ yachts kummerċjali. Linji gwida bħal dawn juru s-serjetà li taħdem biha l-bandiera Maltija u għaldaqstant tipprovdi s-serħan tal-moħħ lill-klijenti tagħha.
Din hija d-disa’ darba li Transport Malta qed tipparteċipa fil-Monaco Yacht Show. Il-Monaco Yacht Show hija l-mekka tas-superyachts fejn ‘il fuq minn 125 superyacht uniku, mibnija mill-iktar tarzni rispettati fid-dinja, qegħdin jiġu esebiti. L-avveniment annwali huwa opportunità unika għal Malta biex tiltaqa’ mal-iktar individwi u entitajiet influwenti fid-dinja tal-yachts. Fil-fatt, mal-580 kumpanija qegħdin jipparteċipaw. Minbarra li Transport Malta qed iġġedded il-kuntatti tagħha f’din id-dinja u tattira oħrajn ġodda, b’potenzjal ta’ iktar investiment għal pajjiżna, l-awtoritá qed tgħin l-industrija tal-yachts lokali billi tipprovdi l-faċilitajiet tagħha għal intrapriżi Maltin li jattendu din il-fiera bi ħġarhom.
Ritratt: MTIP