Minn statistika miġbura mill-Malta Libraries, ħareġ li fl-2022 il-libreriji lokali sellfu 659,616-il ktieb, li jfisser żieda ta’ 38,414-il ktieb jew 6.2 fil-mija aktar mis-sena preċedenti. Din kienet it-tielet sena konsekuttiva li rreġistrat żieda fuq is-sena ta’ qabel, wara li l-effetti tal-pandemija wkoll wasslu biex il-libreriji jingħalqu għal perjodu ta’ żmien.
Meta mqabbel mal-2021, il-libreriji li jinsabu fil-Punent u fit-Tramuntana ta’ Malta rreġistraw l-akbar żidiet fis-self b’rati ta’ 20 u 19.8 fil-mija rispettivament.
Fir-reġjun tat-Tramuntana, il-libreriji tal-Mosta u tan-Naxxar sellfu l-akbar ammonti, b’49.7 fil-mija u 14.7 fil-mija rispettivament mit-total kollu fl-istess reġjun. Bil-maqlub, fl-2022, ir-reġjun tal-Lbiċ tal-pajjiż irreġistra tnaqqis fejn jidħol self imqabbel mas-sena ta’ qabel.
Bħala postijiet individwali, l-akbar tnaqqis, dak ta’ 27.9 fil-mija, ġie rreġistrat fl-Imqabba b’persentaġġ ta’ 27.9 fil-librerija tal-Imqabba, fl-istess ħin li f’Ħal Kirkop, li hu fl-istess distrett, ġiet esperjenzata żieda ta’ 52.4 fil-mija fis-self.
Fil-każ ta’ Għawdex, il-librerija pubblika tar-Rabat irreġistrat l-akbar ammont ta’ self ta’ kotba b’29,061, filwaqt li fin-Nadur, ġew mislufin 17,193 ktieb.
Matul is-sena li għaddiet, il-libreriji pubbliċi rreġistraw żieda ta’ 5,497 membru ġdid jew 73.1 fil-mija fuq l-2021. Bl-istess mod, is-sehem ta’ membri ġodda taħt it-tmintax-il sena żdied minn 52.1 fil-mija għal 56.5 fil-mija.