Eluf ta’ nies ilbieraħ ingħaqdu flimkien jiċċelebraw il-bidu tas-sena 2023 fil-Belt Valletta, f’atmosfera mill-aqwa fil-Kapitali ta’ Malta.
Wara nuqqas ta’ sentejn ta’ attivitajiet għall-massa, in-numru ta’ Maltin u turisti fil-Belt Valletta lbieraħ kompla jikber meta kkumparat mas-snin ta’ qabel il-pandemija.
Fi stqarrija f’jum l-ewwel tas-sena, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, ħabbar li huwa stmat li aktar minn 50,000 persuna attendew għaċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta.
L-avveniment nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena, li ttella’ live minn Pjazza San Ġorġ, bis-sehem ta’ numru kbir ta’ kantanti u mużiċisti Maltin, għalaq xahar sħiħ ta’ attivitajiet organizzati mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bħala parti mill-Programm Christmas in the Capital.
Il-lejla bdiet b’mużika minn Kurt Calleja, segwit mill-mistiedna speċjali The Brass House Unit taħt it-tmexxija ta’ Kevin Abela, u minn diversi kantanti lokali stabbiliti fosthom Aidan Drakard, Amanda Marie, Brooke, Gloriana Arpa Belli, Jasmine, Kevin Paul Calleja, Ludwig Galea, Owen Luellen, Ozzy Lino, Pawlu Borg Bonaci u Tiziana Calleja. Ħadu sehem ukoll DJ Debrii u DJ Drey. Is-serata ġiet ippreżentata minn Ron Briffa, Taryn Mamo Cefai, Claire Agius Ordway u Clint Bajada.
Iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena ġew organizzati minn G7 permezz ta’ Ftehim ta’ Sħubija għall-Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali.