Fl-ewwel 10 ijiem minn meta bdew l-ispezzjonijiet fuq persuni li suppost qegħdin kwarantina kien hemm iktar minn 2,500 spezzjoni. Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif din hi xhieda tar-rieda tal-awtoritajiet biex f’dan il-mument partikolari kulħadd josserva l-obbligi tiegħu. “Ħarraxna l-multi minn €1,000 għal €3,000 u issa min suppost ikun f’iżolament u ma jkunx, se jkun immultat €10,000. Il-messaġġ ċar ħafna. Mas-saħħa tal-poplu Malti m’għandux ikun hemm riskji”, qal il-Ministru Camilleri.
Mit-total tal-ispezzjonijiet ħareġ biċ-ċar li l-pulizija qed issib koperazzjoni mill-maġġoranza tal-każi. “Irrid inrodd ħajr lill-awtoritajiet tal-forzi tal-ordni, il-pulizija, il-protezzjoni ċivili u dawk tas-saħħa għall-mod ikkordinat ta’ kif qed jaħdmu flimkien biex jipproteġu l-poplu Malti”, kompla jgħid il-Ministru Camilleri, filwaqt li appella biex inroddu ħajr lil dawn il-persuni billi nsegwu l-pariri tal-awtoritajiet.