Wara Malta u Londra l-kumitat PANA tal-Parlament Ewropew mar il-Lussemburgu u hemm reġa’ sab numru ta’ entitajiet li għażlu ma jiltaqgħux miegħu. Fost oħrajn kumpaniji ta’ konsulenza bħal E&Y, Deloitte u KPMG.
Iżda mhux biss. Bħalhom għamlu numru ta’ avukati u dak li fil-Lussemburgu kien imexxi d-Dipartiment tat-Taxxa. Fl-istess ħin uffiċjali tal-Gvern tal-Lussemburgu, fosthom il-Ministru tal-Finanzi, aċċettaw it-talba li jiltaqgħu mal-kumitat li kien f’Malta fl-aħħar ġimgħa ta’ Frar.
Bħal f’Malta anke fil-Lussemburgu l-kumitat Pana huwa interessat li jinvestiga s-settur finanzjarju f’dan il-pajjiż ċkejken. Dan għaliex il-kumitat għandu l-mandat li jinvestiga s-sistemi ta’ taxxa fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u jara li qed ikunu implimentati regoli Ewropej.
Naturalment, fid-dawl li l-kumitat hu magħmul minn Membri tal-Parlament Ewropew ma jonqsux kummenti politiċi u fil-Lussemburgu l-membri kienu kritiċi għan-nuqqas ta’ preżenza ta’ diversi entitajiet. L-istess bħal ma seħħ f’Londra fejn it-Teżor irrifjuta li jiltaqa’ magħhom.
F’Lulju 2016 ftit wara li twaqqaf il-kumitat, is-servizzi legali tal-kunsill tal-Unjoni Ewropea kienu ħarġu opinjoni li permezz tagħha qalu li l-mandat tal-kumitat mhuwiex konformi mal-poteri li għandu l-Parlament Ewropew.