“Metsola ma hijiex tirreaġixxi sew għall-kritika li qed tirċievi.”
Kien b’dan il-mod li l-editur maniġerjali tal-MediaToday u l-ġurnalist ta’ esperjenza Saviour Balzan, irreaġixxa għall-kriżi li qed tiddomina bħalissa fil-Parlament Ewropew u r-reazzjonijiet tal-President tagħha Robert Metsola.
Dan fl-isfond tal-iskandlu li din il-ġimgħa riegħed lil Brussell u lill-Ewropa wara li l-pulizija Belġjana arrestat lil waħda mill-Viċi Presidenti ta’ Metsola, il-Griega Eva Kaili, b’rabta ma’ każ ta’ korruzzjoni mill-Qatar.
L-avukat ta’ Kaili ddikjara li hija kienet qed timplimenta pjan usa’ tal-UE u li kienet qed timxi skont l-ordnijiet tal-President, Roberta Metsola.
F’artiklu opinjoni fil-ħarġa tal-Ħadd tal-MaltaToday, Saviour Balzan jirrimarka l-fatt interessanti li l-MPE Griega vvutat favur iċ-chief of staff ta’ Roberta Metsola, Alessandri Chiocchetti għal kariga ta’ Segretarju Ġenerali f’Settembru li għadda.
Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, l-avukat ta’ Kaili, Michalis Dimitrakopoulos, sostna kif “hija marret il-Qatar bħala rappreżentanta tal-Parlament Ewropew filwaqt li d-diskorsi u l-intervisti li tat, tathom wara li kien hemm qbil u ordni min-naħa tal-President Roberta Metsola.
Saviour Balzan kompla wkoll fejn ħallew diversi kritiċi fosthom il-Prim Ministru tal-Belġju, Alexxander de Croo li sostna kif il-Parlament Ewropew għandu ħafna mezzi kif jirregola lilu nnifsu iżda, apparentement, is-sistema ma kinitx biżżejjed.
Hawn Balzan jinnota kif il-Parlament Ewropew għalaq il-bibien fuq il-possibiltà ta’ riformi li jiskuritinizzaw l-azzjonijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej.
Fost oħrajn Balzan jaċċenna għall vot ta’ Ottubru li għaddha fejn il-Parlament Ewropew ivvota kontra l-obbligu li membri parlamentari ewropej jipprovdu irċevuti sabiex juru kif qed jonfqu l-flus li jingħataw.
Kien hawn li Balzan sostna kif Robert Metsola ma hijiex tirreaġixxi sew għall-kritika li qed taqla’. Dan hekk kif jinnota li filwaqt li qed tinsiti li hija u ta’ madwarha ma għamlu xejn ħażin, mhux kull min jikkritikaha għandu aġenda kontriha.
Din l-istess kritika sostniha wkoll is-sit awtorevoli Politico li kiteb li Metsola tippreferi li dan il-każ tqisu bħala problema ta’ ndħil barrani minflok bħala problema bin-nuqqas ta’ kontrolli interni u trasparenza fil-Parlament innifsu.