L-aħħar rapporti tal-Kummissjoni Ewropea u dak minn Fitch Ratings jikkonfermaw kemm l-ekonomija ta’ pajjiżna miexja fid-direzzjoni t-tajba.
Din kienet ir-reazzjoni tal-Partit Laburista, fi stqarrija li ħareġ b’reazzjoni għar-rapporti ta’ Fitch Ratings u tal-Kummissjoni Ewropea.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Laburista sostna li dawn iż-żewġ rapporti ppubblikati fl-aħħar 24 siegħa juru wkoll it-tisħiħ tal-ekonomija Maltija, il-ħidma favur il-ħolqien ta’ aktar impjiegi u l-appoġġ lill-familji u n-negozji mill-Gvern.
Filwaqt li aċċenna għal diversi punti saljenti li joħorġu minn dawn iż-żewġ rapporti eċċellenti għal pajjiżna, il-Partit Laburista qal li dan kollu hu xhieda ta’ kemm il-politika ekonomika tal-amministrazzjoni preżenti qed tagħmel differenza reali fil-ħajja tal-familji f’pajjiżna. Dan filwaqt li din l-istess politika qed tgħin lill-industrija lokali tibqa’ kompetittiva.
Il-Partit Laburista temm jgħid li l-Gvern qed jinvesti bis-saħħa fil-futur ħalli jiggarantixxi prosperità ġdida u Malta tkompli miexja fid-direzzjoni t-tajba.