Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona, żaru sensiela ta’ fabbriki li komplew jespandu l-operat tagħhom fil-kumpless industrijali fix-Xewkija.
Fost il-fabbriki li daru kien hemm Merit Precision Tools Ltd, Pamargan Products Ltd, SG Woodworks, Cefai Woodworks u FX Borg Furnitures Ltd u Magro Foods. Dawn il-kumpaniji li lkoll għandhom storja u portafol differenti, kollha għażlu li jkabbru l-operat f’Għawdex fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija u joħolqu aktar opportunitajiet ta’ impjiegi.
Il-Ministru Cardona fisser l-investiment li għamlu wħud mill-kumpaniji bħala sinjal b’saħħtu ta’ kemm Għawdex tista’ tkun destinazzjoni ta’ suċċess għal investituri lokali u internazzjonali.
“Il-viżjoni ekonomika tal-Gvern mill-bidu nett għal dan ir-reġjun kienet ibbażata fuq tliet prijoritajiet; dak tal-ħolqien tax-xogħol, it-tnedija ta’ numru ta’ proġetti ġodda għal Għawdex u li Għawdex titpoġġa fuq il-mappa internazzjonali għall-investitur u għat-turist” saħaq il-Ministru Cardona.
Cardona qal li s-sena li għaddiet biss kienu approvati aktar minn €1.5 miljun kreditu fiskali għal intrapreditorjat Għawdxi u bis-saħħa tal-iskola medika ta’ Barts u l-investiment kbir fl-isptar ta’ Għawdex, qed issir ħidma sabiex jiġi żviluppat cluster ta’ investiment fis-settur mediku/xjentifiku.
“Fadal ħafna xi jsir, però għandna għal fejn inkunu ottimisti għaliex il-prospetti għal dan ir-reġjun huma tajbin ħafna,” temm jgħid il-Minsitru Cardona.
Il-Ministru Refalo ħeġġeġ għal aktar inizjattivi intraprenditorjali innovattivi u tenna l-ħtieġa li anke f’Għawdex ikun hemm aktar spażju biex aktar kumpaniji jkunu mħajra biex jinvestu u anke jkabbru l-operat tagħhom. Huwa qal li ġew identifikati siti fejn diversi kumpaniji jkunu jistgħu jkabbru l-operat tagħhom. Il-Gvern qed jaħdem biex jinvesti fi spazji fejn aktar kumpaniji jkunu jistgħu joperaw.
Dan it-tip ta’ investiment huwa kruċjali biex aktar kumpaniji jkunu mħajra jinvestu f’Għawdex. Huwa inkoraġġixxa lil dawn il-kumpaniji biex ikomplu jespandu u enfasizza li l-Gvern huwa impenjat li joffri kull sostenn.
Il-Ministru Refalo stqarr kif t-tqegħid tat-tieni fibre-optic cable f’Għawdex jista’ jgħin l-imprenditorjat ikompli jikber. Dan il-fibre–optic cable hu kruċjali biex aktar kumpaniji tal-informatika jinvestu f’Għawdex u b’hekk f’Għawdex ikun hawn investiment dirett barrani.
Ritratt: George Scerri MGOZ