Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jissokta bl-investiment bil-għan li jkun imħejji aħjar għaċ-ċirkostanzi ta’ emerġenza li l-membri tiegħu jissejħu fuqu.
B’sens ta’ sodisfazzjon, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila, spjega lill-Ministru Byron Camilleri l-frott ta’ wħud mill-aħħar investimenti li saru fid-Dipartiment.
Filwaqt li tkellem mal-ħaddiema, li kienu għaddejin b’sessjonijiet ta’ simulazzjoni u taħriġ, il-Ministru esprima l-appoġġ tiegħu u tal-Gvern lejn dan id-dipartiment.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “L-irwol tal-protezzjoni ċivili huwa essenzjali fis-soċjeta tagħna u dan stajna nirealizzawh sfortunatament fl-aħħar jiem meta kellna inċident kbir ġewwa l-pajjiż. Illum qegħdin hawn biex nifhmu iktar ix-xogħol tal-Protezzjoni Ċivili anke ninawguraw investiment.”
Fost l-iktar investimenti riċenti hemm dak tal-Hazmat Suits maħsuba għal kull inċident li jinvolvi kimika.
Dan it-tagħmir jippermetti l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jersqu qrib u jiddentifikaw materjali perikolużi kif ukoll jieħdu azzjoni biex ineħħu l-periklu mingħajr detriment għal saħħithom.
Min-naħa l-oħra Calpypso 2 huwa l-isem ta’ proġett ta’ drones li jgħinu f’operazzjonijiet ta’ tiftix.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili fisser: “Hemm xtrajna drones u apparat ieħor biex bit-teknoloġija nkunu nistgħu nagħmlu iktar tfittxijiet, għal meta jkun hemm persuni maqbuda taħt it-tifrik. Għandna wkoll apparat ta’ makkinarju. Żewġ fork lifters u iktar ‘il quddiem jaslu Malta rotators telehandlers, inkunu iktar armati tajjeb biex inħaffu l-proċess.”
F’messaġġ qasir lill-ħaddiema, il-Ministru Camilleri raddilhom ħajr għad-dedikazzjoni tagħhom u l-impenn lejn xogħol li jista’ jissejjaħ vokazzjoni.
Tenna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jsostni l-investiment f’dan id-dipartiment, mhux biss fl-apparat iżda wkoll fir-riżors uman u t-taħriġ.