L-ewwel ta’ Settembru 2017 – il-jum li fih iż-żwieġ ċivili f’Malta mhux se jibqa’ diskriminatorju. Fejn l-imħabba ma tħarisx iżjed lejn is-sess jew il-ġeneru tal-persuna.
Fil-fatt din id-data tissiġilla d-dħul fis-seħħtal-liġi tal-Ugwaljanza fiż-Żwieġ li għaddiet mill-Parlament fit-tnax ta’ Lulju li għadda.
Liġi li kienet priorità għal dan il-Gvern u li wasslet għall-qasma oħra fl-Oppożizzjoni tant li l-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said iddikjara li se jkun qed jerġa’ jiftaħha.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli ddeskriviet din il-liġi bħala pass ieħor lejn li jkollna soċjetà ugwali u li permezz tagħha l-Gvern kompla jneħħi aktar diskriminazzjoni, li ħafna minnhom ġejjin mill-preġudizzji.
Fissret li l-istituzzjoni taż-żwieġ f’pajjiżna hi gender neutral, biex tassigura li persuni LGBTIQ ikunu ħielsa li jiżżewġu lil min iridu.
Minkejja dan il-pass, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ żwieġ bil-Knisja huma protetti u liberi li jiċċelebrawh skont il-prassi reliġjużi tagħhom mingħajr ebda tibdil.
Din il-liġi ġabet ukoll ugwaljanza fil-kunjomijiet, hekk kif koppji li jiżżewġu biċ-ċivil jistgħu jagħżlu li jżommu kunjom twelidhom fost oħrajn.
Intant il-mija u ħamsa u tmenin koppja li daħlu f’unjoni ċivili fl-aħħar tliet snin, jistgħu jibdlu l-unjoni fi żwieġ. Bidla li tista’ ssir fi żmien ħames snin mid-dħul tal-liġi l-ġdida, iġifieri sal-elfejn u tnejn u għoxrin.