Is-settur pubbliku għandu inqas ħaddiema minn kemm f’Malta hawn ħaddiema barranin. Qal dan Joe Farrugia, uffiċjal tal-Malta Employers Association, li kien qed jieħu sehem fil-konferenza nazzjonali Malta ta’ Għada: Min Se Jaħdem?
F’din il-konferenza, parti mill-konferenza ġenerali annwali tal-Partit Laburista bit-tema Malta ta’ Għada, ħadu sehem diversi imsieħba soċjali u uffiċjali ta’ entitajiet li jmissu mas-settur tax-xogħol.
Clyde Caruana, ċermen ta’ JOBS+ spjega li qed jinħolqu xogħolijiet fis-sena, id-doppju ta’ kemm potenzjalment jistgħu jidħlu ħaddiema Maltin ġodda fis-suq.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Dizz Group, Diane Izzo, tkellmet kif hi tippreferi tħaddem Malti għal diversi raġunijiet. Iżda, hemm ħafna każi fejn ma jkolliex għażla. Tkellmet kif kumpaniji serji llum jagħtu l-istess kundizzjonijiet lill-ħaddiema Maltin u l-barranin.
Għal Joseg Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, qal li l-ħaddiem Malti qiegħed fl-aqwa żmien għax qatt daqs illum ma kellu saħħa biex jinnegozja. Tenna li l-pagi qegħdin jitjiebu.
Riflessjonijiet minn Tony Zahra, President tal-MHRA u Sandro Chetcuti, President tal-MDA fejn tal-ewwel esprima l-ħsieb li rridu nistudjaw kemm nifilħu nikbru bħala pajjiż u kif se nikbru, filwaqt li Chetcuti esprima ruħu ottimist li pajjiżna jista’ jżomm dan ir-ritmu minn tal-inqas ħames snin oħra.
Il-konferenza nazzjonali saret bis-sehem tad-delegati tal-Partit Laburista li intervjenew, għamlu kummenti u staqsew il-mistoqsijiet. Id-diskussjoni ffokat fuq kif il-ħaddiem Malti se jżomm il-kundizzjonijiet, filwaqt li l-ħaddiem barrani li hu meħtieġ, isib postu f’pajjiżna mill-iktar fis.
Intervjenew ukoll is-Segretarju Parlamentari, Julia Farrugia Portelli u l-Ministru Evarist Bartolo.