B’investiment ta’ aktar minn sitt mitt elf ewro, il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali għamel ftehim ieħor ma’ SOS Malta biex permezz tas-servizz kellimni.com, toffri appoġġ personali online. Dawn is-sezzjonijiet isiru permezz ta’ counselling kif ukoll bħala terapija fi grupp.
Dan is-servizz jagħmlu użu minnu bosta persuni li jaffaċċjaw sitwazzjonijiet f’esklużjoni soċjali, abbuż, negliġenza, diffikultajiet psikoloġiċi jew li jkollhom bżonn ta’ appoġġ kemm emozzjonali kif ukoll morali. Dan is-servizz huwa aċċessibbli 24 siegħa kuljum.
Il-Ministru Michael Falzon ħabbar li dan il-ftehim qed isir permezz ta’ investiment ta’ €688,220 fuq medda ta’ tliet snin. Dan filwaqt li se jkunu qed jingħataw ukoll 600 siegħa ta’ counselling online jew b’mod virtwali u individwali.
Dr Falzon sostna li f’dawn ġimgħat kien innutat il-bżonn kbir ta’ għajnuna kontinwa minn dawk li għaddejjin minn problemi psikoloġiċi jew inkella qed jaffaċċjaw il-problema tas-soltudni. Għal dan il-għan is-servizz tal-helpline 1772 li kien ta’ benefiċċju waqt iż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19.
Intant, il-gvern żied b’mod sostanzjali l-ftehimiet soċjali ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet volontarji, fejn in-nefqa issa qed tammonta għal iktar minn €17-il miljun, filwaqt li qed ikunu megħjuna madwar 48 organizzazzjoni. Fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Gvern se jagħti €2 miljuni oħralil dawn l-organizzazzjonijiet volontarji.