- Stħarriġ tal-Ewrobarometru jerġa’ jikkonferma
Il-Maltin jibqgħu ottimisti dwar l-ekonomija
Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jafdaw lill-Gvern. Riżultat li mhux sorpriża fid-dawl tal-konferma tat-tmexxija tal-pajjiż fit-3 ta’ Ġunju li għadda, iżda l-Ewrobarometru, li jsir għall-Unjoni Ewropea, juri li l-fiduċja fil-Gvern f’pajjiżna hija fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Filwaqt li tisboq bil-kbir il-medja Ewropea.
L-istħarriġ għar-Rebbiegħa, li għalissa għadhom ħarġu riżultati preliminari tiegħu juri li 58% tal-Maltin qalu li għandhom fiduċja fil-Gvern. Żieda ta’ 6% fuq l-istħarriġ tal-Ħarifa li għaddiet. 30% biss qalu li m’għandhomx fiduċja fil-Gvern u 12% qalu li ma kinux jafu jwieġbu għal din il-mistoqsija. Jekk wieħed iħares lejn il-medja Ewropea jsib li kienu 37% biss dawk li ddikjaraw li għandhom fiduċja fil-Gvern. Huma biss erbgħa l-pajjiżi fejn din il-fiduċja tisboq dik irreġistrata f’pajjiżna b’diversi pajjiżi oħra l-gvernijiet jirreġistraw fiduċja ta’ inqas minn 50% bħal fir-Renju Unit (36%), l-Italja (17%) jew il-Greċja (11%).
Il-Maltin huma wkoll fost l-iktar ottimisti dwar l-ekonomija. Bejn dawk li qalu li l-ekonomija sejra tajjeb jew saħansitra tajjeb ħafna, l-ekonomija Maltija ġabet l-approvazzjoni ta’ 86% tal-Maltin, id-doppju tal-medja Ewropea. Hawn ukoll il-fiduċja fl-ekonomija Maltija żdiedet b’5%. Dan sabiex l-istħarriġ tal-Ewrobarometru juri biċ-ċar li l-burdata tal-Maltin kienet differenti ħafna minn dik li kienet qed tipprova tibni l-Oppożizzjoni.
Intant, 53% tal-Maltin li wieġbu qalu li jafdaw il-Parlament Malti, filwaqt li 30% qalu li le. Dan sabiex hawn ukoll żdiedet il-fiduċja.
Fiduċja fil-gvern : Malta – 58% UE : 37%
Kuntenti bl-ekonomija : Malta 53% UE : 36%