Madwar 500 intrapriżi Maltin qed jagħmlu użu mill-pjattaforma onlajn ta’ TradeMalta li tgħinhom jesportaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom lil hinn minn xtutna.
Qal dan il-Kap Eżekuttiv ta’ TradeMalta Anton Buttigieg waqt intervista ma’ ONE News. Huwa qal: “Is-sit, il-portal qed ikollna bejn wieħed u ieħor mal-500 user li qed jilloggja fuq is-sit b’mod regolari u skond l-istatistikali għandna qed turi li aħna qed nilħqu t-targets tagħna għal dan il-proġett.“
Din il-pjattaforma tnediet b’investiment ta’ madwar disa’ mitt elf ewro minn fondi Ewropej f’Marzu t’erba’ snin ilu.
Hija toffri servizzi ddedikati apposta għal dawk l-intrapriżi li għandhom prodotti jew servizzi li jistgħu jiġu esportati barra minn Malta.
Is-Sur Buttigieg elenka uħud mill-kategoriji li tinkludi fiha din il-pjattaforma.
“Videos ta’ setturi fosthom tal-informatika, tal-ikel u tax-xorb u dawn jgħinu jippromovu l-industrija inġenerali. Għandna wkoll direttorju ta’ esportaturi Maltin, għandna wkoll rapporti magħmulin minn esperti lokali biex jgħinu l-intrapriżi jesportaw f’pajjiżi jew f’reġjuni partikolari.”
Huwa żied jispjega kif din il-pjattaforma qed tgħin ukoll lil intrapriżi Maltin jagħmlu kuntatt ma’ klijenti barranin sabiex l-espanzjoni tkun suċċess.
Dan permezz ta’ listi ta’ intrapriżi Ewropej li magħhom intrapriżi Maltin jistgħu jagħmlu kuntatt dwar xejriet ekonomiċi f’diversi setturi madwar id-dinja.
Il-pjattaforma trademalta.org tinkludi wkoll korsijiet dwar ħiliet u strateġiji realatati ma’ swieq internazzjonali.