Jum mill-isbaħ ta lok lill-persuni avventuriżi biex iżuru t-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ. Minkejja li din iż-żona ilha teżisti ftit mhux ħażin fejn saħansitra s-sena l-oħra kienet dehret f’riklam tad-ditta Hugo Boss, saret attrazzjoni ikbar wara li ftit tal-jiem ilu ssemmiet bħala post alternattiv iżda simili tat-Tieqa tad-Dwejra, li waqgħet kawża ta’ proċess naturali.
Kienu diversi persuni li telgħu fuq din it-tieqa, fejn sa issa għad m’hemmx twissijiet uffiċjali, iżda persuni qed jgħidu li din għandha titħares. Filfatt kienet persuna li llum poġġiet ritratt fuq is-sit soċjali Facebook fejn qalet kitbet kif issa anke fuq it-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ qed jitilgħu u jissograw ħajjithom, minkejja t-tbeżbiża li kellna ftit tal-jiem ilu meta sfortunatament waqgħet it-Tieqa tad-Dwejra u spiċċat fix-xejn.
L-istess persuna staqsiet “meta se jasal il-jum li nibżgħu għall-Wirt Artna kif jixraq?” Kompliet billi qalet li ma nitgħalmu qatt.
Kienu bosta persuni li kkummentaw taħt fejn qalu li r-riżultat tat-tiġrif tat-Tieqa tad-Dwejra ma kienx ikkawżat minn persuni li telgħu fuqha iżda kawża ta’ proċess naturali.