L-isplużjoni f’Bejrut ħasdet il-ħajja ta’ aktar minn 190 persuna, ħalliet aktar minn 4,000 midruba u ġarrfet b’mod konsiderevoli lill-belt kapitali Libaniża.
Bħala parti minn operazzjoni umanitarja, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej kopra l-ispejjeż marbuta ma’ titjira umanitarja lejn Bejrut fejn twasslu mal-45 tunellata ta’ prodotti mogħtija minn kumpaniji Maltin u mill-pubbliku ġenerali.
Din l-operazzjoni umanitarja kienet possibbli sforz il-ġenerożità tal-poplu Malti flimkien mad-donazzjonijiet li daħlu sussegwentament.
Fost il-merkanzija kien hemm ilbies mediku u sanitarju relatat mal-konteniment tal-COVID-19, ingwanti, prodotti tal-ikel, ħwejjeġ, ħrieqi għat-trabi u oġġetti essenzjali oħra, b’valur totali ta’ madwar €75,000.
Din l-inizjattiva hija riżultat tad-deċiżjoni pronta tal-Gvern ta’ Malta li jalloka €50,000 mill-baġit nazzjonali għall-Assistenza għall-Iżvilupp Uffiċjali, sabiex jgħin lill-poplu Libaniż f’dan iż-żmien kruċjali.
B’hekk din kienet suċċess ieħor fost bosta inizjattivi umanitarji oħra meħuda mill-Gvern Malti din is-sena u xhieda tal-impenn attiv ta’ Malta fl-isfera umanitarja.