Philip Pace jibqa’ meqjus bħala wieħed mil-pijunieri u ikoni tal-mużika Rock f’pajjiżna u kien raġel maħbub minn diversi nies, speċjalment dawk midħla ta’ dan il-ġeneru mużikali jew tal-grupp The Beatles li wkoll kien dilettant kbir tagħhom.
Minkejja l-popolarità li baqa’ jgawdi u kien anke punt ta’ referenza ta’ bosta, Pace miet bħal dan iż-żmien sena, mingħajr ma kellu lil ħadd jiġi minnu.
Hu nstab mejjet f’daru f’Ħaż-Żebbuġ kawża ta’ attakk tal-qalb. Kellu 69 sena.
Bil-konsegwenza t’hekk, il-katavru tiegħu spiċċa jqatta’ kważi sena fil-kamra mortwarja tal-Isptar Mater Dei, sakemm xi ħadd jirrikorri biex ikun jista’ jidfnu. Xi ħaġa li ma seħħet qatt f’dan il-perjodu.
Din l-istorja sfortunata ta’ Philip Pace feġġet fl-aħħar jiem meta bdiet tiċċirkola l-kelma fuq il-mezzi soċjali li l-mużikologu saritlu d-difna mill-Istat fil-komun taċ-Ċimiterju tal-Addolorata f’Ottubru tas-sena l-oħra, bla ma ħadd tah l-aħħar tislima dinjituża li kienet tixraqlu.
Kienu bosta minn dawk li kienu jafuh li, kif saru jaf b’dan, sellmu l-memorja ta’ Philip u stqarrew li jinsabu xxokkjati.
Wieħed minn dawk involuti fix-xena mużikali lokali u li kien jafu lil Pace hu Philip Fenech li, f’kummenti bit-telefown ma’ ONE News, irrakkontalna xi memorji tiegħu.
“Dejjem nafu bħala xi ħadd li kien promotur ħafna tar-Rock. Kien parti mill-klikka tagħna, li aħna nħobbu l-mużika Rock mis-sebgħinijiet, u jibqa’ għalina bħala figura, parti minn dik il-familja, kif kont qed ngħid li konna nħobbu Rock. Jiena ngħidilom first generation rockers.”
Philip Fenech, Dilettant tal-Mużika
Sadanittant, grupp ta’ ħbieb u segwaċi ta’ Philip Pace qed jorganizzaw quddiesa b’sufraġju għal ruħu fil-Kappella tas-Salesjani, fi Triq San Ġwann Bosco, f’Tas-Sliema, il-Ħadd 9 ta’ Frar fit-8.30 am.
ONE News isellem il-memorja ta’ Philip Pace, artist fil-ġeneru li tant kien jgħożż.