Fil-ġurnata tal-Ħadd il-Malta Invitational Games tkomplew b’suċċess notevoli għall-atleti Maltin.
Il-Ħadd filgħodu, it-triatleti komplew bl-impenji finali tagħhom għal-Logħob meta saret sprint triathlon (750, għawm, 20km rota u 5km ġirja) fit-Triq il-Kosta tas-Salina. Fil-kategorija tal-irġiel Ċipru wrew saħħithom, meta Alexandrios Dimitriou kien l-ewwel barra mill-ilma, segwit mill-kompatrijott Panayiotis Antoniou. It-tielet barra mill-ilma kien Aleksandar Srandev bit-triatleta Malti Ryan Muscat joħroġ fir-raba’ post fuq il-korsa tar-rota ta’ 20km. Minħabba li t-tellieqa kienet draft legal, it-tellieqa rat numru ta’ mossi tattiċi fuq il-korsa tar-roti li għamlu evidenti li Ċipru kien se jkun it-tim li jegħleb. Madankollu wirja b’saħħita u determinata ta’ Ryan Muscat rawħ jersaq fuq quddiem fil-ġirja ta’ ħames kilometri biex spiċċa fit-tielet post biex kiseb midalja tal-Bronż.
Fil-kategorija femminili, l-ewwel barra mill-ilma kienet iċ-Ċiprijotta Antonia Sofkelous sekonda biss quddiem il-Maltija Hannah Cutajar. Matul il-korsa tar-roti Cutajar u Sofkelous baqaw jbiddlu l-postijiet bejniethom biex żammew il-vantaġġ quddiem il-Maltija Danica Bonello Spiteri. Barra fil-ġirja, Cutajar ħadet postha quddiem Sofkelous, u kabbret id-distakk hekk kif hija marret fil-vantaġġ. Cutajar rebħet il-midalja tad-Deheb għal Malta. Sadanittant, Bonello Spiteri li bdiet l-ġirja bi ftit distakk wara Sofkelous mxiet ‘l quddiem biex għaddieta u ġabet midalja oħra tal-fidda. Sofkelous kellha tikkuntenta b’medalja tal-Bronż.
Intant is-Sibt filgħaxija, saru l-avvenimenti tad-Doubles Bowling fl-Eden Superbowl, fejn Malta rat żewġ midalji oħra jintrebħu.
Il-koppja femminili, magħmula minn Cynthia Frendo Duca u Tiziana Carannante, rebħu l-midalja tad-deheb. Wara 6 logħbiet, spiċċaw total ta’ 183 pin fuq ir-runners-up l-Islanda (2267 vs 2084).
Il-par maskili, li kien fih il-bowler veteran (50+) Dennis Mercieca u l-bowler żgħażugħ Kayden Laganà, irnexxielhom jieħdu l-midalja tal-bronż wara li lagħbu logħob konsistenti. Wara 6 logħbiet, spiċċaw b’punteġġ totali ta’ 2427 wara li t-tnejn kellhom medja ta’ 202.
Il-kompetizzjonijiet finali tal-Malta Invitational Games komplew il-Ħadd wara nofsinhar bit-Team Event tal-Bowling.