Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri kompla bis-sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li ser iwasslu għal tisħiħ fil-liġijiet ta’ pajjiżna, fejn tidħol vjolenza fuq il-pulizija u uffiċjali pubbliċi.
F’laqgħa mal-Malta Police Union, il-Ministru Byron Camilleri tenna l-impenn tal-gvern li jħarrax il-konsegwenzi marbuta ma’ każijiet ta’ vjolenza fuq il-Korpi Dixxiplinati u uffiċjali pubbliċi, bil-għan li l-uffiċjali li ta’ kuljum jaħdmu għal Malta u Għawdex aktar siguri, ikunu salvagwardjati waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Spjega, li dan l-impenn huwa rifless f’kull deċiżjoni meħuda f’dan is-settur li dejjem poġġiet lil dawk li jilbsu l-uniformi fiċ-ċentru.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Malta Police Union, Marlon Hili, spjega l-fehma tal-union illi jkunu msaħħa l-liġijiet ta’ Malta bil-għan illi l-uniformi tibqa’ rispettata f’pajjiżna. Hu qal illi dak li seħħ tul tmiem il-ġimgħa li għaddiet ma jirriflettix is-sentiment ta’ rispett lejn il-Korp tal-Pulizija li għandhom il-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin. Kompla billi tenna illi quddiem imġiba abbużiva fil-konfront tal-uffiċjali tal-korp għandu jkun hemm liġijiet iebsa, li jirriflettu l-gravità tal-azzjoni mwettqa.
Din il-laqgħa ssegwi dik li l-Ministru Byron Camilleri kellu l-Ħamis mal-Police Officers’ Union, liema laqgħat ser ikomplu fil-jiem li ġejjin, li ser iwasslu biex mal-ftuħ tal-Parlament, l-emendi jkunu fuq l-aġenda Parlamentari.