Bħala parti minn sensiela ta’ riformi maħsubin biex ikomplu jsaħħu s-Servizz Pubbliku, mijiet ta’ ħaddiema f’livelli differenti ta’ tmexxija ġew informati b’titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawn jinkludu Diretturi Ġenerali, Chief Information Officers, Diretturi u Assistenti Diretturi.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana radd ħajr lill-Prim Ministru Robert Abela għall-appoġġ fil-proċess ta’ tisħiħ, li se jwassal biex iċ-ċittadin jingħata servizz aħjar.
Fi stqarrija, tfakkar kif fl-aħħar sentejn ingħalqu aktar minn 76 ftehim kollettiv li fihom intlaqtu b’mod pożittiv aktar minn 33,000 impjegat, inkluż l-edukaturi fl-aħħar jiem u l-infermieri u l-qwiebel fl-aħħar xhur.
Sultana fakkar li l-impenn għal aktar titjib mhux se jieqaf hawn, hekk kif bħalissa qed jiġi wkoll innegozjat il-Public Service Agreement għall-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku għall-ħames snin li ġejjin.