F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Grawnd Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, il-kowċ tat-tim Nazzjonali Taljan Antonio Conte flimkien mal-captain tal-istess tim Gianluca Buffon qalu li huma jinsabu kuntenti li ġew jilagħbu din il-partita f’pajjizna.
Dan minħabba li f’Malta t-tim Taljan huwa popolari u għalhekk mistenni jkun hemm diversi nies li fil-grawnd li ser jagħtu s-sostenn tagħhom lit-tim Taljan.
Madankollu f’din l-istess konferenza tal-aħbarijiet kien hemm Conte kif ukoll Buffon preferew jitkellmu iżjed dwar l-EURO 2016 milli fuq il-logħba ta’ għada. Huma qalu li minkejja li t-Taljani mhumiex il-favoriti li jirbħu dan il-kampjonat huma ser jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħtu s-sorpriżi waqt din il-kompetizzjoni. Filfatt Conte għada mhux beħsiebu jilgħab lill-plejers kollha biex iserraħ rasu li dawn ikunu f’qagħda tajba biex jibdew din il-kompetizzjoni aktar tard dan ix-xahar.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet Buffon qal li jinsab ottimist li jieħu sehem fis-sitt darba tiegħu fit-tazza tad-dinja dik tal-2018 fir-Russja.
Min-naħa l-oħra f’ konferenza tal-aħbarijiet seperata ndirizzata mill-Kowċ tal-Iskozja Gordon Strachan huwa qal lill-Iskoċiżi jinsabu motivati għal-logħba kontra tim daqstant kbir bħal tat-Taljani, dan anke jekk jinsabu diżapuntati li mhumiex ser jilagħbu fl-EURO 2016.
https://youtu.be/Yk2DSsC5YAg