Sorsi, li tkellmu ma’ ONE News, indikaw li, minn wara d-diskors tar-replika għall-Baġit żdiedu sew il-manuvri interni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista biex jitneħħa Bernard Grech minn Kap. Dan minħabba d-diżappunt ġenerali bid-diskors tiegħu, li kien miktub mill-istrateġista l-ġdid li għażel, l-akkademiku George Vital Zammit.
Kif kien diġà rrapportat, jirriżulta li ħafna fil-Partit qed iqabblu s-sitwazzjoni ma’ dik ta’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, fejn il-Kap kien twebbel ħafna bl-istrateġista Chris Peregin u spiċċa ta lill-Partit Nazzjonalista l-akbar telfa elettorali fl-istorja.
Issa jirriżulta li ħafna mid-delegati Nazzjonalisti qed jintefgħu iżjed wara l-imbottatura tad-Deputat Għawdxi Alex Borg biex jieħu azzjonijiet aktar b’saħħithom ħalli jieħu post Grech.
Borg għandu warajh l-istess ċorma li kienet wara l-eks Kap Adrian Delia, li issa wkoll qed jinkwetaw iżjed bl-eventwali ritorn ta’ Simon Busuttil fid-Dar Ċentrali.
Fid-dawl li Roberta Metsola aktar qed tindika li mhux interessata tiġi lura Malta, dawk li poġġew lil Bernard Grech biex iservi ta’ Kap temporanju tal-Partit, issa qed jikkunsidraw biex, minflok, iġibu lura b’mod immedjat lil Busuttil.
Is-segwaċi ta’ Delia jemmnu li, jekk jiġi lura Busuttil, dan jagħmel minn kollox biex ikeċċihom mill-Partit Nazzjonalista u, għalhekk, qed jagħfsu fuq Alex Borg biex jidher aktar, kif fil-fatt qed jagħmel permezz tal-midja soċjali u b’iżjed okkażjonijiet mal-istess Delia.
Żewġt Iħdud ilu, missier is-sieħba ta’ Delia saħansitra ppubblika artiklu fil-Malta Independent on Sunday fejn attakka lil Bernard Grech u qal li sakemm dan jibqa’ Kap qed inaqqas mill-kredibilità mal-elettorat tal-Partit Nazzjonalista.
Il-ġimgħa l-oħra, Borg ukoll ħataf l-okkażjonijiet biex jidher iżjed, b’dawk madwar Delia jgħidulu li, biex isir Kap, ma jridx jibqa’ biss assoċjat ma’ Għawdex, fejn hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni.
Waqt li fuq ċerti midja, bħal-Lovin’ Malta, qed jirnexxielu jitkellem fuq materji nazzjonali, oħrajn mhux jagħtuh iċ-ċans biex jiġi mbottat bħala Kap alternattiv, inkluża intervista estensiva fil-gazzetta Illum nhar il-Ħadd li għadda, li wkoll spiċċat iffokata kompletament fuq Għawdex.
Sadanittant Borg qed issib l-appoġġ tal-Ewroparlamentari Peter Agius, li qed jidher sikwit miegħu fuq il-midja soċjali, kontra David Casa li qed isostni lil Simon Busuttil, tant li fit-Times appellalu biex jibqa’ jagħmlu kburi.
F’nofs dawn l-intriċċi u n-nuqqas ta’ impatt li jidher li qed iħalli l-istrateġista l-ġdid Vital Zammit, il-ftit li fadal madwar Bernard Grech ukoll qed jibdew jitilfu t-tama li kapaċi jvinċi fil-kariga sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura.