In-numru ta’ fatalitajiet kawża tat-terremot fit-Turkija u fis-Sirja, qabeż il-ħamest elef.
Dan in-numru mistenni jkompli jiżdied, minħabba li l-isforzi ta’ salvataġġ li għaddejjin qed jirriżultaw diffiċli, anki minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp ta’ xita u borra.
Il-ħidma tas-salvataġġ qed issir bis-sehem ta’ eluf ta’ uffiċjali minn diversi pajjiżi minn madwar id-dinja, fosthom anki Malta.
Fil-fatt, it-Tlieta filgħodu, tnejn u tletin uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u kelb, waslu f’Malatya fit-Turkija, biex jgħinu fl-isforzi li qed isiru, bit-tama li jinstabu aktar nies ħajjin qalb it-tifrik.
Fuq il-paġna ta’ Facebook tad-Dipartiment, ġew ippubblikati ritratti tal-ħidma li qed issir mill-uffiċjali Maltin fit-Turkija, f’żona fejn iġġarrfet lukanda. F’dan il-każ, mija u għoxrin persuna ġew irrappurtati nieqsa, u l-uffiċjali Maltin qegħdin f’kuntatt ma’ mill-inqas tmien persuni maqbuda taħt it-tifrik.
Din hija l-ewwel darba li uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru f’operazzjoni barra l-pajjiż biex isalvaw lin-nies.
Pajjiżna se jkun qed jipprovdi anki għajnuna finanzjarja lit-Turkija.
Qabel ħallew Malta fuq titjira lejn Elazig it-Tnejn filgħaxija, proprju ftit tas-sigħat biss wara li seħħew it-terremoti, id-Direttur tal-Operazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, afferma r-rieda u l-kuraġġ ta’ dawn l-uffiċjali biex isalvaw il-ħajjiet.
“Dan huwa t-tim ta’ tnejn u tletin persuna plus kelb tal-Protezzjoni Ċivili li sejrin ġewwa t-Turkija biex isalvaw lin-nies minn qalb it-tifrik. Huwa mgħammar bl-aħjar għodda li għandha l-Protezzjoni Ċivili u fl-istess ħin għandna għodda biżżejjed biex, jekk jinqala’ f’Malta, nistgħu nkomplu għaddejjin. Se jitilqu llum u għandhom sebat ijiem biex jgħinu f’dak kollu li huwa neċessarju biex insalvaw kemm jista’ jkun ħajjiet.”
Kmieni filgħodu, Istanbul bagħtet xejn inqas minn tlettax-il elf ħaddiem tas-salvataġġ fil-provinċja ta’ Hatay, li sofriet l-aktar fl-aħħar sigħat.
L-ewwel terremot, b’qawwa ta’ sebgħa punt tmienja fuq l-iskala Richter, heżżeż l-inħawi ta’ Gaziantep fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu, meta n-nies kienu għadhom reqdin.
Ftit tas-sigħat wara, seħħ terremot ieħor b’qawwa ta’ sebgħa punt ħamsa.
L-ewwel terremot waħdu qatel aktar minn tlett elef u erba’ mitt persuna fit-Turkija biss, u ħalla midruba aktar minn ħmistax-il elf oħra.
Aktar minn elf u sitt mitt persuna oħra mietu fis-Sirja.
Il-ħaddiema tas-salvataġġ għaddejjin bi ġlieda kontra l-ħin biex isalvaw in-nies li nqabdu fit-tifrik.
Madwar sebgħin pajjiż minn madwar id-dinja qed jagħtu sehemhom, wara li t-Turkija ħarġet appell internazzjonali għall-għajnuna. Filmati juru eluf ta’ nies li mill-ewwel offrew l-id t’għajnuna tagħhom u qed jgħinu kif jistgħu.
Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, iddikjara għaxart ibliet fin-naħa t’isfel tal-pajjiż bħala żoni ta’ diżastru, u ddikjara tliet xhur ta’ stat t’emerġenza f’kull waħda minnhom minħabba l-istat li jinsabu fih.
Ġurnalisti Torok qed ikunu rrappurtati jgħidu li n-nies maqbuda taħt it-tifrik qed jibagħtulhom filmati u noti bil-vuċi biex jinfurmawhom bil-post eżatt fejn jinsabu.
Tul il-jum, ġew ippubblikati diversi filmati li juru l-ħidma ta’ salvataġġ li qed issir, fosthom anki mumenti emozzjonanti ta’ tfal ċkejknin li ġew salvati.
Il-ħidma ta’ salvataġġ se tkompli, iżda t-tbassir tat-temp, ta’ aktar borra u kesħa fina, mhux qed jagħtu wisq tama li jinstabu aktar nies ħajjin.