Matul il-lejl komplew l-isforzi mill-ħaddiema tas-salvataġġ, bit-tama li jinstabu aktar nies ħajjin qalb it-tifrik li ħalla t-terremot qawwi tal-bieraħ fit-Turkija u fis-Sirja.
Sa issa, in-numru ta’ fatalitajiet kawża ta’ dan it-terremot, qabeż l-erbat elef u tliet mitt persuna.
L-ewwel terremot b’qawwa ta’ sebgħa punt tmienja fuq l-iskala Richter, heżżeż l-inħawi ta’ Gaziantep fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu meta n-nies kienu għadhom reqdin.
Ftit tas-sigħat wara, seħħ terremot ieħor b’qawwa ta’ sebgħa punt ħamsa.
L-ewwel terremot biss qatel elfejn u disa’ mitt ruħ fit-Turkija biss, filwaqt li ħalla midruba aktar minn ħmistax-il elf persuna.
Aktar minn elf u erba’ mitt persuna oħra mietu fis-Sirja.
Il-ħaddiema tas-salvataġġ għaddejjin bi ġlieda kontra l-ħin biex isalvaw nies li nqabdu fit-tifrik li ħallew eluf ta’ binjiet li ġġarrfu fiż-żewġ pajjiżi.
Diversi pajjiżi madwar id-dinja, fosthom anki Malta, qed jagħtu sehemhom, wara li t-Turkija ħarġet appell internazzjonali għall-għajnuna.
Ilbieraħ filgħaxija stess, sigħat biss wara t-terremoti, numru ta’ uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili Maltin ħallew Malta biex jaħdmu b’mod koordinat ma’ organizzazzjoni Torka, u jgħinnu fl-isforzi inizzjali ta’ salvataġġ fuq il-post.
Pajjiżna se jkun qed jipprovdi anki għajnuna finanzjarja lit-Turkija.