Il-Ministru għall-Intern Franċiż, Gérald Darmanin, qal li fir-raba’ lejl ta’ rvellijiet, kien hemm 471 arrest, ikkumparat mal-917 arrest fil-lejl ta’ qabel.
Bliet lill-hin minn Pariġi, bħal Marsilja, fejn ġew arrestati 87 persuna, wkoll ingħaqdu f’dawn ir-rewwixti.
Il-Gvern Franċiż qed jappella sabiex il-ġenituri jżommu lil uliedhom ‘il bogħod minn dawn ir-rewwixti.
Diversi persuni appellaw għall-kawtela, fosthom l-istilla tal-football Franċiż, Kylian Mbappe, li qal li bil-vjolenza mhu se jissolva xejn, filwaqt li qal li l-vjolenza għandha tinbidel fi djalogu u ristrutturar.
Dawn l-irvellijiet qed isegwu l-mewt ta’ ġuvni ta’ 17-il sena f’Pariġi, li għandu dixxendenza Alġerija.
Nahel M ġie maqtul mill-Pulizija Franċiża. L-uffiċjal li spara t-tir, talab skuża lill-familja.
45,000 uffiċjal tal-Pulizija, ġew mibgħuta sabiex jiċċirkondaw l-ibliet il-Ġimgħa filgħaxija, filwaqt li l-Gvern appella lill-uffiċji reġjonali sabiex jagħlqu s-servizz ta’ filgħaxija tat-tram u tal-linja.