Il-Ħadd mill-anqas 32 Palestinjan, fil-maġġor parti nisa u tfal, inqatlu f’attakki mill-ajru mill-Forzi ta’ Iżrael fuq il-Medda ta’ Gaza, filwaqt li l-Prim Ministru Benjamin Netanyahu jinsab fi triqtu lejn Washington fejn se jiltaqa’ mal-President Donald Trump biex jiddiskuti l-gwerra.
Iżrael issa ilu tliet ġimgħat jibbumbardja bla ħniena lil Gaza hekk kif kuljum qed jattakka mill-ajru wara li nkiser il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied.
L-attakki matul il-lejl f’Gaza laqtu dar u kamp li ħallew 5 t’irġiel, 5 nisa u 5 t’itfal mejta. Mill-anqas 4 oħra, tliet nisa u tifel inqatlu f’kamp tar-refuġjati u f’attakk ieħor barra forn tal-ħobs inqatlu tliet itfal u tliet adulti.
Sadanittant għat-tieni darba din is-sena, Netanyahu se jkun qed jiltaqa’ ma’ Trump sabiex jiddiskuti l-aħħar żviluppi tal-gwerra kif ukoll it-tariffi ġodda ta’ 17% li Trump ħabbar fuq Iżrael il-ġimgħa l-oħra.
L-Istati Uniti, li kienet medjatur fl-isforzi biex jintlaħaq qbil ta’ waqfien mill-ġlied flimkien mal-Eġittu u l-Qatar, uriet l-appoġġ tagħha lil Iżrael wara li reġa’ beda l-ġlied ix-xahar l-ieħor.
Iżrael ħalef li jintensifika l-vjolenza f’Gaza hekk kif qed jipprova jisforza lil Hamas sabiex jarrendi u jiffaċilità r-ritorn tad-59 ostaġġ li baqa b’24 minnhom maħsuba li għadhom ħajjin. Barra minn hekk twaqqfet l-għajnuna kollha umanitarja kif ukoll ikel u fjuwil, lejn Gaza sabiex issir aktar pressjoni.
Iżrael qed ukoll jitlob li l-Hamas jiddiżarma u jitlaq minn Gaza, iżda l-Hamas qal li jirrilaxxa l-ostaġġi biss bil-kundizzjoni li jinħelsu aktar priġunieri Palestinjani, li jkun hemm waqfien mill-ġlied dejjiemi u li Iżrael jirtira darba għal dejjem minn Gaza. Il-grupp militanti taħt l-ebda ċirkustanza ma hu lest jaċċetta li jarmi l-armi jew jitlaq mill-medda ta’ Gaza.
Rapport tal-Ġnus Magħquda ppublikat fit-2 t’April jgħid, li mill-ksur tal-ftehim fit-18 ta’ Marzu, aktar minn elf persuna inqatlu f’Gaza filwaqt li 100,000 oħra, l-aktar minn Rafah, kellhom jabbandunaw djarhom hekk kif Iżrael qed jibqa’ joħroġ ordnijiet ta’ evakwazzjoni.