Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika juru fl-ewwel disa’ xhur tas-sena komplew jonqsu s-single parents fuq l-għajnuna soċjali.
Fil-fatt fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, is-single parents naqsu b’234 meta mqabbel ma’ Jannar u Settembru tas-sena l-oħra u b’512 fuq l-2017.
Tnaqqis notevoli ieħor ġie rreġistrat fil-persuni li jieħdu l- benefiċċju tal-assistenza soċjali. Imqabbel mal-ewwel 9 xhur tas-sena li għaddiet, il-persuni li kellhom bżonn dan il-benefiċċju naqsu b’aktar minn 500 ruħ. Iċ-ċifri tal-NSO juru li minn kważi 5400 ruħ is-sena li għaddiet, dawn niżlu għal ftit aktar minn 4800.
Naqsu wkoll in-nies bil-benefiċċju tal-qgħad. Imqabbel mal-ewwel 9 xhur tas-sena li għaddiet, in-nies qiegħda li kellhom bżonn dan il-benefiċċju waqgħu minn 1,857 fl-2017 għal 1,021.
Min-naħa l-oħra komplew jiżdiedu n-nies li qed igawdu minn benefiċċji ġodda li jinċentivaw ix-xogħol bħal dak tat-tapering tal-qgħad u tal-inwork benefit tant li fl-ewwel 9 xhur telgħu għal kwazi 7200 bin-nefqa żdiedet għal kważi €8,000,000.
L-NSO żied jinnota wkoll li fl-ewwel 9 xhur tas-sena n-nefqa tal-gvern fuq il-pensjonjiet żdiedet bi kważi €21,000,000. Fil-fatt in-nefqa fuq il-pensjoni minima kienet ta’ kważi €27,000,000 waqt li n-nefqa fuq il-pensjonijiet tar-romol kienet ta’ aktar minn €95,000,000.