It-titjib fil-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna qed iwassal biex jiġu mwieżna dawk l-aktar fil-bżonn fis-soċjetà Maltija.
Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-ewwel sitt xhur tas-sena, komplew jonqsu n-nies li huma dipendenti fuq il-benefiċċju tal-Għajnuna Soċjali.
L-istatistika turi wkoll li meta mqabbel mal-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet, dawk dipendenti fuq dan il-benefiċċju naqsu bi kważi 4%.
Fl-istess waqt, l-ammont ta’ nies qiegħda li għadhom jieħdu l-benefiċċju naqas ukoll b’aktar minn 500 meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena li għaddiet u b’aktar minn 2,000 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2016.
Iċ-ċifri juru wkoll li l-persuni dipendenti fuq l-għajnuna soċjali għas-single parents naqsu b’aktar minn 250 meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena li għaddiet.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2016, kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 500 single parent fuq assistenza soċjali.
Intant iċ-ċifri juru żieda fl-għajnuna soċjali għal dawk l-aktar fil-bżonn fis-soċjetà.
Fl-ewwel sitt xhur tas-sena, in-nefqa tal-Gvern fuq il-pensjonijiet żdiedet b’14-il miljun ewro. Żidiet oħrajn kienu rreġistrati fil-pensjoni tar-romol b’€1.8 miljun u fil-bonus kontributorju ta’ €1.2 miljun.
Mill-banda l-oħra kien irreġistrat tnaqqis ta’ €500,000 fil-pensjoni tal-invalidità u f’benefiċċji oħrajn.
Bit-titjib fl-ekonomija, fl-aħħar snin daħlu wkoll għadd ta’ benefiċċji ġodda fosthom dak tat-tapering tal-benefiċċji li fl-ewwel sitt xhur kienu qed igawdu minnu aktar minn 3,000 ruħ b’nefqa ta’ kważi €4 miljun. Benefiċċji ieħor li daħal fl-aħħar snin kien dak tal-carers allowance li qed igawdu minnu aktar minn 240 familja b’investiment ta’ €500,000.