Il-Magistrat Audrey Demicoli ċaħdet il-ħelsien mill-arrest ta’ Ramazi Ashordia ta’ 37 sena, Giorgi Bujiasvhili ta’ 40 sena, Gela Kharazishvili ta’ 41 sena u Gabriel Jabushanuri ta’ 48 sena mill-Ġeroġja li qed jiġu akkużati talli fit-30 ta’ Awwissu organizzaw ċirku ta’ kriminalità u kienu involuti f’żewġ serqiet lejn it-tramantuna ta’ Malta fejn ħafna drabi dan sar bi sgass u meta residenti ma jkunux hemm. Instabu numru ta’ oġġetti misruqa li ma jafux minn fejn insterqu u għalhekk in-numru ta’ serqiet jista’ jiżdied.L-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest għax l-akkuża hija waħda vaga u ġenerika. L-Ispettur Lydon Zammit jispjega kif fid-29 t’Awwissu ġew infurmati li kienet seħħet serqa minn ġewwa residenza Ħal Balzan u li min għamel is-serqa kien ħarab minn fuq il-post, b’vettura li skont l-investigazzjonijiet irriżulta li kienet tal-kiri u bdiet tfittxija għall-persuna li kera l-karozza li hu Elguha Bzikadze li tressaq il-Qorti ilbieraħ.
Kompla jgħid kif waqt l-investigazzjoni rriżulta li waqt is-serqa kien ma’ persuni oħra kif ukoll kien xtara għodda ma’ terza persuna. Mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà ġie nnutat li kien hemm persuna oħra li xtrat l-għodda miegħu u daħlet informazzjoni li lil dik il-persuna rawha fiż-żona ta’ Buġibba ma’ persuni oħra. Saret tfittxija fil-blokka ta’ 50 apartament bil-maġġoranza jkunu barranin. Instabu 11-il persuna f’żewġ appartamenti fosthom 4 li tressqu llum. Mit-tfittxija li bdiet issir instabu diversi oġġetti bħal ġojjellerija, apparat tat-teknoloġija, flus, fwieħa li mill-investigazzjoni rriżulta li kienu ġejjin minn 8 serqiet differenti.
L-ispettur kompla jispjega kif intalbet informazzjoni fuq il-flus li rċivew u ntbagħatu u sar magħruf li kien hemm numru ta’ tranżazzjonijiet b’eluf ta’ flejjes jintbagħatu l-Ġeorġja.
In-nies imressqa jagħmlu parti minn ċirku ta’ tnax-il persuna li l-aktar wieħed riċenti ilu hawn minn Mejju kif ukoll il-Ħulizija tinsab fi tfittxija għal żewġ persuni oħra li jaħsbu li jistgħu jkunu relatati ma’ dan il-grupp.
Minkejja li l-akkużati wieġbu li mhux ħatja u li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest l-Ispettur qal li dan m’għandux isir fuq diversi raġuni fosthom l-akkużati ma kellhom l-ebda rabta ma’ Malta u diġà kellhom biljett biex jitilqu minn Malta kif ukoll li hemm diversi numru pajżana li għadd iridu jixhdu aktar ‘il quddiem. Wara li eżaminat il-fatti kollha, il-Magistrat Audrey Demicoli ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.