F’ġurnata bi sħab, riħ qawwi u kesħa xxoqq l-għadam, grupp ta’ sidien tal-bhejjem ltaqgħu flimkien biex ġabru fondi b’risq id-Dar tal-Providenza.
L-attività bdiet billi kulħadd inġabar fi Triq il-Mitjar ta’ San Niklaw jew kif inhi magħrufa aħjar it-Triq tar-Runway l-Antika tal-Qrendi u mxew flimkien f’parata għad-Dar Tal-Providenza.
Jolqtu l-għajn fost oħrajn kienet din il-karozzella miġbuda minn dawn iż-żwiemel Friesan mill-Olanda.
Tkellimna ma’ David Debono li kompla jwettaq il-ħolma li kellu Ġanni Borg li kien ħareġ bl-idea ta’ din l-attività li sfortunatment qatt ma raha ssir realtà minħabba l-imxija tal-Covid-19 fl-2020.
“Inzertat ġurnata bil-maltemp, naqra xita, imma ma qtajnix qalbna xorta mexxejna l-attività. L-appell tiegħi huwa biex kemm jista’ jkun nagħtu donations għad-Dar tal-Providenza, xejn mhu mitluf għad-Dar tal-Providenza, xejn mhu mitluf, dawn huma nies bil-bżonnijiet. Aħna bil-għajnuna tal-pets u ż-żwiemel u klieb u ħmir, aħna nippruvaw ngħinu lil dawn in-nies u nħeġġiġkom ukoll biex intom tagħmlu bħalna.”
Il-qofol ta’ din l-attività intlaħaq fil-parkeġġ ewlieni tad-Dar tal-Providenza fejn sar it-tberik tal-annimali minn Direttur tad-Dar Fr. Martin Micallef li tkellem quddiem il-cameras ta’ One News dwar l-importanza ta’ attivitajiet simili ta’ ġbir ta’ fondi, fejn qalilna li l-ispejjez tad-dar huma kbar ħafna.
“Din hija waħda mill-attivitajiet li jkunu organizzati f’dan ix-xahar ta’ Diċembru biex imbagħad dawn id-donazzjonijiet li jinġabru f’dawn l-attivitajiet, jingħataw għall-maratona, Festa ta’ Ġenerożità, li norganizzaw b’risq id-dar tal-Providenza. Illum David Debono organizza din l-attività fejn ammont kbir ta’ żwiemel u annimali oħra ġew hawnhekk bex jiġu mbierka. Din l-attività hija wkoll għall- memorja ta’ Ġanni Borg li xtaq jagħmilha fis-sena 2020 imma minħabba l-pandemija ma setax u sfortunatament ftit wara ħalliena, u għalhekk David xtaq li tibqa’ issir kull sena għal memorja tiegħu”.
Mistiedna għal din l-attività attendiet ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.