Jinsab għaddej ġmielu x-xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ San Klement, fiż-Żejtun. Dan il-proġett, li hu wieħed mit-tnax taħt l-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, beda f’Ġunju li għadda u mistenni li jkun lest sal-aħħar ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.
Din il-kappella għandha storja rikka, li tmur lura għall-1658 u nbniet bħala wegħda li kien għamel lil San Klement wara li salva f’attakk tat-Torok fuq Malta fl-1614.
Imnaqqax fuq il-ġebel, taħt l-arma tal-familja Tabone fuq l-entratura prinċipali, wieħed jista’ jsib is-sena ta’ meta tpoġġiet l-ewwel ġebla.
Il-Perit responsabbli minn dan il-proġett, Ivana Farrugia, innotat li l-kappella għad għandha bosta partijiet oriġinali, waqt li spjegat ix-xogħlijiet li saru bħala parti minn dan ir-restawr.
Qalet, “Għad għandha ħafna mill-oriġinalità tagħha u x-xogħlijiet jaraw it-tisħiħ tal-bejt, il-bejt li hemm hu l-oriġinali, imma tilef kompletament il-kisja tat-teffun. Imbagħad restawr tal-ħitan ta’ barra, l-erba’ ħitan ta’ barra u r-rintorduzzjoni ta’ ċerti elementi li ntilfu.”
Dan kollu ġie nnotat waqt żjara li għamel il-Ministru responsabbli mill-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna, Owen Bonnici, li fakkar kif l-iskema li gawda minnha dan il-proġett tnediet lura fl-2015 u permezz tagħha s’issa tlestew ’il fuq minn erbgħin proġett.
Qal, “Dan hu proġett ieħor li qed nagħmlu id f’id mal-kunsilli lokali tagħna fejn qed nirrestawraw postijiet li jindikawlna huma stess bi skemi apposta u fil-fatt il-Kunsill Lokali taż-Żejtun kien indikalna l-Knisja ta’ San Klement li qed tiġi rrestawrata u tingħata lura l-glorja li kellha.”
Preżenti wkoll għal din iż-żjara kien hemm is-Sindku tal-lokal, Doris Abela, il-Viċi Sindku Joan Agius u l-Kunsillier Sean Chircop.