Kompla x-xogħol ta’ tiġdid infrastutturali f’Dar l-Impenn sabiex il-persuni li jkunu fi triqthom biex jegħlbu xi dipendenza ikollhom spazju dinjituż filwaqt li jingħataw il-kura medika b’rabta mad-dipendenza tagħhom.
Dar l-Impenn huwa l-uniku post fil-gżejjer Maltin fejn issir osservazzjoni medika għall-persuni b’dipendenza fuq sustanzi.
Waqt żjara f’dan is-sit mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, ġew innutati l-funzjonijiet li din id-dar toffri lil għexieren ta’ persuni fis-sena.
Id-Direttur tal-aġenzija Sedqa, Charles Scerri, stqarr li f’din ir-residenza temporanja r-residenti jgħaddu minn proċess ta’ diżintossikazzjoni, primarjament mill-alkoħol, jew jistabbilizzaw ruħhom qabel ma jidħlu għal programm ta’ rijabilitazzjoni tas-Sedqa, tal-Caritas jew tal-OASI. Dar l-Impenn tista’ tilqa’ persuni biex jgħaddu mill-proċess ta’ induzzjoni, fejn jingħataw mediċina kkontrollata bħall-methadone.
Fil-fatt, persuna ddum f’din ir-residenza bejn seba’ u għaxart ijiem.
Charles Scerri ta ħarsa lejn in-numru ta’ dawk li kellhom kuntatt ma’ Dar l-Impenn, b’rabta mal-irkupru tagħhom minn xi dipendenza.
“Jekk nieħdu ftit statistika mis-sena l-oħra, kellna mija, ħamsa u ħamsin admission hawnhekk ġewwa Dar l-Impenn. Ħamsa u sebgħin fil-mija minnhom wara jkun hemm follow-up ta’ key worker li jkun qed ikompli jfassal pjan ta’ kura flimkien ma’ dak l-istess resident li jkun ġie hawnhekk. Ovvjament, kollha kemm huma jkollhom follow-up regolari medika permezz tat-tobba tagħna ġewwa d-Detox Centre ta’ Gwardamanġa.”
Fiż-żjara ġie nnutat ukoll kif, tul is-sena li għaddiet, wieħed u tletin fil-mija tal-persuni li daħlu f’Dar l-Impenn marru għal programm ta’ rijabilitazzjoni residenzjali permanenti.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, faħħar din il-ħidma filwaqt li appella biex kull persuna tingħata ċ-ċans li jistħoqqilha b’dinjità.
“Huwa importanti li, bħala soċjetà, l-ewwel nett ma niġġudikawx u t-tieni nett, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi, inkunu dejjem hemm biex nagħtu daqqa t’id. Hawnhekk qegħdin f’parti, biex ngħid hekk, setting semimediku fejn persuni li se jkunu qegħdin jaqbdu t-triq biex joħorġu minn dipendenza fuq sustanzi jiġu hawnhekk. Perjodu li jkun qasir, ma jimpurtax, jixirqilhom l-aħjar kundizzjonijiet. Irridu verament inkunu soċjetà inklussiva.”