Minkejja l-għeluq tal-iskejjel għall-btajjel tas-sajf, ix-xogħol fihom xorta jibqa’ għaddej, fosthom ta’ manutenzjoni, tisbiħ u mmodernizzar.
Dan ix-xogħol qed isir fil-parti l-kbira tal-iskejjel u huwa partikolari għall-bżonnijiet ta’ kull skola.
Ix-xogħol ivarja minn tikħil, tibjid u twaħħil ta’ madum, tibdil ta’ suffetti u tisbiħ ta’ uffiċċji u klassijiet, sa installazzjonijiet ta’ faċilitajiet sanitarji ġodda u tibdil ta’ membranes u aperturi.
Dan jikkumplimenta xogħol ieħor li għaddej f’dik li hija infrastruttura edukattiva ta’ tkabbir ta’ skejjel u skejjel ġodda, b’investiment separat f’uliedna li jlaħħaq il-miljun euro.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima żar uħud minn dawn ix-xogħlijiet u rringrazzja lil dawk kollha nvoluti fil-proċess biex it-tfal ikollhom l-aqwa ambjent fl-istituzzjonijiet edukattivi madwar pajjiżna.
Huwa tkellem dwar il-bżonn li kull sajf, isiru dawn ix-xogħlijiet.
Qal, “Sabiex meta l-istudenti jidħlu għal dak li huwa l-bidu tas-sena akkademika jsibu ambjent li huwa sabiħ ambjent illi jilqagħhom. Tajjeb li wieħed isemmi wkoll li minbarra dan ix-xogħol ta’ manutenzjoni ġenerali f’diversi skejjel madwar il-pajjiż kollu għandek ukoll ix-xogħol straordinarju f’dak li għandu x’jaqsam bħal bini ta’ skejjel u estensjonijiet ta’ skejjel. Allura minn qalbi rrid nirringrazzja lil ħaddiema kollha illi jaħdmu mingħajr ħafna daqq ta’ trombi, li jaħdmu bla heda sabiex propju jagħtu l-aqwa ambjent possibbli lill-istudenti tagħna.”