Bħalissa għaddejjin diversi proġetti fi tnax-il lokalità u ħafna oħrajn se jibdew fiż-żmien li ġej biex jiżdiedu aktar minn sebgħin kilometru ta’ cables ta’ ħdax-il kilovolt taħt l-art u dawn se jingħaqdu mal-grid nazzjonali fix-xhur li ġejjin.
Dan hekk kif qed javvanza l-pjan t’implimentazzjoni tal-Gvern biex jiġi aċċelerat it-tisħiħ tal-infrastruttura tal-elettriku tal-pajjiż bħala parti minn investiment estensiv, li qed isir mill-Enemalta, flimkien ma’ Infrastructure Malta, Transport Malta u diversi kunsilli lokali.
Bħalissa t-tliet entitajiet governattivi qed jikkordinaw ħidma f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż u fil-ġimgħat li ġejjin, aktar ħaddiema se jkunu mobilizzati biex jibdew ix-xogħlijiet ta’ upgrades fin-network f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
Għamlu żjara fuq il-lant tax-xogħol f’Ħad-Dingli, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u l-Ministru għall-Infrastruttura Chris Bonett.
Il-Ministru Dalli fakkret kif, is-sajf li għadda, il-Gvern wiegħed li se jirdoppja l-investiment għal din is-sena fuq l-infrastruttura elettrika biex tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizzi elettriċi lill-familji u n-negozji, u biex jilqa’ għad-domanda kkawżata mit-tibdil fil-klima u dik tal-futur.
“Fil-fatt bħalissa bħala parti minn dik il-ħidma biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku fil-pajjiż qegħdin jitqegħdu 70 kilometru ta’ cables biex naraw sistema aktar b’saħħitha. Ovvjament, l-Enemalta għaddejja wkoll b’ħafna xogħol ieħor, inkluż 45 substation li jridu jitlestew sa din is-sena u għaddej b’ritmu mgħaġġel xogħol biex ikollna ċentri ta’ distribuzzjoni fil-pajjiż.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru Bonett esprima s-sodisfazzjon kif dan il-proġett, b’kollaborazzjoni bejn it-tliet entitajiet, qed jassigura l-implimentazzjoni tal-wegħda tal-Gvern, dik li jittrippla l-investiment fl-infrastruttura tal-elettriku.
“Qed isir xogħol, katina, qed jaħdmu id f’id il-ħaddiema kollha, irrid nirringrazzjahom u rrid nirringrazzja fuq kollox lir-residenti li, minkejja l-inkonvenjent, qed jifhmu li dan ix-xogħol hu importanti u aħna, min-naħa tagħna, se nkomplu naħdmu biex din il-kordinazzjoni bejn l-entitajiet tkun aħjar, inqas inkonvenjent, iktar xogħol u naf li ħa nsibu s-sapport tagħkom kull meta ħa jkollna bżonn.”
Il-Ministru Chris Bonett
Intqal li wkoll li għaddejjin ġmielhom il-preparazzjonijiet fuq żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda, fin-Naxxar u fis-Siġġiewi. Ix-xahar li għadda ħarġu żewġ sejħiet għal ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar.
F’Diċembru wkoll ħarġet sejħa għal xogħlijiet ta’ upgrades fiċ-ċentru ta’ distribuzzjoni fl-Imsida.
L-Enemalta qed tara wkoll li żżid il-kapaċità fiċ-ċentru ta’ distribuzzjoni f’St Andrew’s, u qed tara li tiżviluppa żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda f’Ħad-Dingli u ż-żona tal-Kottonera.