Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena d-defiċit fil-finanzi pubbliċi naqas għal €4.4 miljun biss.
Dan kien l-aqwa riżultat finanzjarju għall-Gvern mill-2019 ’il hawn.
Fil-fatt imqabbel mas-sena li għaddiet, id-defiċit naqas b’aktar minn €84 miljun.
Meta tħares lejn l-ewwel sitt xhur tas-sena, t-titjib fil-finanzi pubbliċi kien ta’ €207 miljun jew ta’ 46%.
Dan it-titjib qawwi fil-finanzi pubbliċi seħħ, minkejja li l-Gvern kompla għaddej bil-programm ta’ sostenn qawwi lill-familji u lin-negozji fejn jidħlu l-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels. Dan filwaqt li n-nefqa fuq proġetti kapitali u servizzi soċjali laħqet livelli rekord.
Id-dħul tal-Gvern fil-fatt sploda ’l fuq, speċjalment fit-tieni kwart tas-sena. Minkejja li ma ġew imposti ebda taxxi ġodda fil-baġit li għadda, xorta waħda fl-ewwel nofs tas-sena d-dħul tal-Gvern qabeż sewwa l-figura rekord ta’ €3 biljun għall-ewwel darba fl-istorja.
Fil-fatt id-dħul tal-Gvern żdied b’terz ta’ biljun ewro fuq sitt xhur.
Din hi l-akbar prova li l-politika ta’ sostenn u ta’ investiment tal-Gvern qed twassal għal tkabbir ekonomiku sinifikanti li qed jirriżulta fi dħul bla preċedent għall-Kaxxa ta’ Malta.
Sadanittant statistika maħruġa mill-Eurostat tindika li fit-tieni kwart tas-sena pajjiżna kellu rata ta’ defiċit li kienet inqas mill-medja Ewropea.
Dan seħħ ukoll fl-ewwel kwart tas-sena, biex b’hekk, fuq medda ta’ sitt xhur, is-sitwazzjoni finanzjarja wriet titjib f’pajjiżna mentri fl-Ewropa din marret għall-agħar.
Ta’ min ifakkar li, filwaqt li pajjiżna għadu jgawdi minn tkabbir ekonomiku qawwi, mhux l-istess jista’ jingħad għaż-Żona Ewro. Tant li, fit-tieni kwart tas-sena, l-ekonomija Maltija kibret b’għaxar darbiet tal-pajjiżi tal-madwar.
Mentri f’pajjiżna d-domanda domestika għadha sostnuta, fl-Ewropa l-ażjendi mhux qed isibu bejgħ biżżejjed minħabba l-piż tal-prezzijiet tal-enerġija u fuel.
Stqarrija tal-Eurostat tindika wkoll li bejn l-ewwel u t-tieni kwart tas-sena, pajjiżna kellu fost l-akbar tnaqqis fir-rata ta’ dejn nazzjonali. Dan hekk kif ir-rata ta’ dejn nazzjonali naqset b’1.7%.
Anke hawn it-titjib kien ferm akbar mill-medja Ewropea, fejn ir-rata tad-dejn niżlet b’0.3% biss. B’hekk id-distakk pożittiv bejn il-livell tad-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna u l-medja Ewropea baqa’ jiżdied.
Dawn il-figuri inkoraġġanti ġew ippubblikati proprju ġimgħa biss qabel it-tħabbira tal-baġit għas-sena li ġejja u jindikaw li l-politika fiskali tal-Gvern qed tħalli r-riżultati meħtieġa.