F’Ħ’Attard għaddej xogħol ta’ tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fejn se jiżdiedu man-network eżistenti 3.6 kilometri ta’ cables ġodda.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt żjara f’Ħ’Attard mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, Inġ. Ryan Fava, fejn ġie spjegat li permezz ta’ dawn il-cables, se tiżdied il-konnettività f’din il-lokalità biex tkompli tissaħħaħ ir-reżiljenza u l-flessibbiltà fil-grid tal-elettriku.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan l-investiment jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern biex tkompli titjieb it-teknoloġija u l-infrastruttura tal-elettriku f’pajjiżna.
U dan huwa parti mill-pjan tagħna li madwar il-pajjiż u anke f’Għawdex ser ikunu qiegħdin jitpoġġew 60 kilometru ta cables oħra biex inkomplu nirrinfurzaw is-sistema ta’ elettriku f’pajjiżna
Miriam Dalli, Ministru
L-Inġ. Ryan Fava qal li dan ix-xogħol ikompli jibni fuq dak li diġà nbeda s-sena l-oħra fejn tpoġġew iktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art. Spjega li dan l-investiment strateġiku se jtejjeb il-konnettività lokali u jkompli jsaħħaħ il-grid tal-elettriku.
Apparti ir-rinfurzar imma li qed npoġġu ġewwa Ħ’Attard ukoll, ġewwa din is-substation qed inbiddlu numru ta’ cables ukoll, kif ukoll qed nżidu numru ta’ switchgears, biex ikunu jistgħu jagħtu iżjed flessibilta’ f’każ illi tinqala ħsara.
Ryan Fava, Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta
Dan ix-xogħol, li qed isir b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta, hu parti mill-impenn tal-Enemalta li tqiegħed 60 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art f’21 lokalità madwar Malta u Għawdex. Bħalissa, għaddejjin ix-xogħlijiet fi 15-il lokalità differenti biex tiżdied il-konnettività fejn uħud minnhom diġà waslu fil-fażijiet finali ta’ tlestija