F’artiklu ppublikat fit-Times, fil-ħarġa tagħha tat-Tlieta, il-President tal-fergħa tal-pensjonanti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, l-APAN, Joseph Zahra, ħareġ ifaħħar ir-riforma diskriminatorja tal-2006 magħmula minn Gvern Nazzjonalista.
Filwaqt li ammetta li din ir-riforma qasmet il-pensjonanti f’dawk imwielda qabel l-1962 u dawk imwielda wara, hu sostna li dawk imwielda qabel ma tilfu xejn.
B’hekk, Zahra ħareġ jgħid il-kontra ta’ dak li stqarrew kemm-il darba l-kelliema tal-istess partit meta issa ilhom mill-inqas mill-bidu ta’ Awwissu tal-2023 isejħu li hemm bżonn li ssir ġustizzja mal-pensjonanti mwielda qabel l-1962.
Fil-fatt, kien propju f’seminar organizzat mill-istess APAN fit-2 ta’ Awwissu li għadda fejn din appellat biex titneħħa d-diskriminazzjoni bejn il-pensjonanti mwielda qabel u wara l-1962. Dakinhar kien intqal li hemm anomalija kbira li riedet tiġi indirizzata.
Issa li l-Gvern neħħa l-mod differenti kif jiżdiedu l-pensjonijiet ta’ dawk mwielda qabel u wara l-1962, kif ukoll ħabbar li b’mod gradwali l-pensjoni massima għal dawk imwielda qabel l-1962 se tiġi bħal dik għal dawk imwielda wara, il-President tal-APAN qed jgħid li mhux veru kienet saret inġustizzja fi żmien Lawrence Gonzi.
Skont Zahra mhux veru li l-pensjonijiet taħt Gvern Nazzjonalista żdiedu biss bil-COLA. Biex jiġġustifika dan, qabad l-ispiża fil-pensjonijiet diviż bl-ammont ta’ pensjonanti fl-1987 u qabbilha ma’ dik fl-2012.
Tant ma jifhimx fis-suġġett li ma ndunax li kien qiegħed iqabbel il-pensjoni ta’ xi ħadd li rtira b’żewg terzi tal-paga fl-1987 u qabel, ma dik ta’ xi ħadd li rtira b’żewġ terzi tal-paga tal-2012 u qabel.
Allaħares dan ma jurix żieda, għax kieku jfisser li bejn l-1987 u l-2012 il-pagi ma nbidlux f’pajjiżna.
Fl-aħħarnett, fl-artiklu tiegħu, Zahra ammetta li biex Gvern Nazzjonalista ta pensjoni aħjar lil dawk imwielda wara l-1962, żied l-ammont ta’ snin ta’ kontribuzzjoni minn 30 għal 41, żied ir-rata tal-bolla b’terz u żied l-età tal-irtirar minn 61 għal 65 sena.
Bil-maqlub, Gvern Laburista qed iżid kull sena l-pensjoni għal kulħadd mingħajr ma jbiddel la r-rata tal-bolla u lanqas iżid l-età tal-irtirar.