Matul il-ġurnata tat-Tlieta kompla s-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, fejn hemm ukoll il-Prim Ministru Malti Robert Abela.
Tul il-ġurnata tat-Tlieta, id-diskussjoni kompliet fuq il-pandemija globali.
Hawnhekk il-mexxejja Ewropej qablu li sal-aħħar ta’ din is-sena, se jingħataw minn tal-inqas 100 miljun doża lill-pajjiżi terzi.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu ċ-ċertifikat tal-vaċċin, li hemm qbil fuqu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
F’dan is-summit li beda t-Tnejn filgħaxija wassal biex il-mexxejja Ewropej qablu sabiex ikun hemm imposti sanzjonijiet ġodda fuq il-Belarus.
Dan hekk kif il-mexxejja Ewropej qablu li l-ebda ajruplan tal-linja tal-ajru tal-Belarus ma jgħaddi mill-ispazju tal-ajru Ewropew.
Dan wara li l-ġurnalist mill-Belarus li huwa voċiferu kontra l-President Alexander Lukashenko ġie arrestat hekk kif l-ajruplan tniżżel fil-Belarus.
Il-mexxejja Ewropej ikkundanaw ukoll il-ħtif tal-Prim Ministru u l-President tal-Mali minn suldati tal-pajjiż.
Dwar il-Lvant Nofsani, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-waqfien mill-ġlied u tenna fuq l-impenn għal soluzzjoni bejn iż-żewġ stati, li din hija wkoll il-pożizzjoni li dejjem saħqet Malta.
Intant, matul laqgħa li saret it-Tlieta filgħodu bejn il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Taljan Mario Draghi ġiet diskussa l-Libja u l-immigrazzjoni fil-Mediterran.