Il-Ħamis kompla s-smigħ tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, fiż-żona industrijali ta’ Kordin fit-3 ta’ Diċembru.
Wara li fl-ewwel seduta xehdu omm il-vittma flimkien mal-Ministri Stefan Zrinzo Azzopardi u Clyde Caruana, illum kien imiss uffiċċjali b’rabta mal-awtoritajiet li huma responsabbli dwar l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà.
Fil-bidu tas-seduta tal-Erbgħa, l-eks Imħallef u Ombudsman Joseph Zammit McKeon irrimarka li din l-inkjesta hija distinta mill-proċeduri kriminali li għaddejjin bħalissa u l-inkjesta maġisterjali. Fil-fatt, dwar din tal-aħħar ġew ippreżentati dokumenti relati mal-inkjesta maġisterjali.
Xhieda tal-Perit David Xuereb:
L-ewwel xhud kien il-Perit David Xuereb li huwa c-Chairman tal-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA u Direttur fuq il-Bord tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.
Xuereb ġie mistoqsi dwar kunflitt ta’ interess f’dawn iż-żewġ irwoli madankollu x-xhud wieġeb li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni m’għandiex responsabbiltajiet b’rabta ma’ saħħa u sigurtà. Sostna li l-BCA tirregola l-kwalità tal-kostruzzjoni mentri l-OHSA hija responsabbli għall-istandards b’rabta ma’ saħħa u sigurtà, mhux biss f’postijiet ta’ xogħol b’rabta ma’ kostruzzjoni, iżda f’kull settur.
Xuereb ġie mistoqsi wkoll dwar uffiċjali tal-infurzar kemm fl-OHSA u anke l-BCA. Tenna li hemm madwar 20 uffiċjal fi ħdan il-BCA u 14 fl-OHSA.
Dwar il-miri tal-OHSA, il-Perit David Xuereb irrimarka li l-ħaddiema kellhom jiżdiedu min 35 għal 88 biex dawn jintlaħqu. Dan filwaqt li l-iffinanzjar għal din l-Awtorità kellu jiġi miżjud għal €2 miljun fi żmien 3 snin. Madankollu Xuereb sostna wkoll li kien hemm dewmien b’rabta ma’ ffinanzjar għaliex il-flus jingħataw biss meta jkun hemm ċertezza li dawn jistgħu jintefqu u fl-istess ħin l-ingaġġ ta’ persuni kompetenti huwa diffiċli. Sostna wkoll li t-taħriġ primarju jingħata fl-MCAST filwaqt li fi ħdan l-Awtorità stess hemm korsijiet apposta biex iżidu l-kuxjenza dwar riskji fuq postijiet tax-xogħol.
Intant, il-Perit Mario Cassar staqsa fost oħrajn dwar is-site technical officers. Xuereb sostna li l-kunċett ta’ dan ix-xogħol hekk kif adottat barra minn Malta għadu mhux adottat f’pajjiżna. Dan hekk kif barra minn Malta is-site technical officer jgħaqqad il-proġett kollu kemm hu.
Il-Perit Xuereb sostna wkoll li l-kunċett ta’ ‘name and shame’ huwa essenzjali f’din l-industrija hekk kif hemm min irid jaħdem bis-serjetà u min ma jridx josserva r-regoli. Fil-fatt, Xuereb sostna li min ma jridx jagħmel hekk għandha titneħħielu l-liċenzja u jmur jaħdem x’imkien ieħor.
Fix-xhieda tiegħu, il-Perit Xuereb kompla jgħid kif il-każ ta’ Jean Paul Sofia ġie diskuss waqt laqgħa tal-bord f’Marzu ta’ din is-sena. Spjega wkoll li kien hemm għaddejja white paper dwar riforma fl-OHSA, minn Mejju tal-2022. Dan hekk kif kien ilu jinħass il-bżonn għal din ir-riforma.
Quddiem mistoqsijiet mill-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, li wkoll ipoġġi fuq il-bord ta’ din l-inkjesta, il-Perit Xuereb spjega li b’kollox kien hemm mal-4,000 spezzjoni s-sena li għaddiet madankollu ammeta li din kienet biss qatra f’oċean. Fil-fatt, spjega li 70% tar-riżorsi tal-OHSA huma ddedikati b’rabta mas-settur tal-kostruzzjoni u li spezzjonijiet jiġu skattati minn supervisors jew minn telefonati u ordnijiet tal-Qorti.
Intant, l-Avukat tal-Familja Therese Comodini Cachia, staqsiet dwar ir-responsabbiltajiet tal-OHSA, fost oħrajn. Staqsiet ukoll dwar il-problema biex jinsabu ħaddiema kompetenti fis-settur, bil-Perit Xuereb jgħid li ma jafx x’qed jikkawża biex studenti ma jistudjawx dan is-suġġett. Fil-fatt, sostna kien is-sena li għaddiet kien hemm ħames persuni biss li applikaw biex għall-kariga ta’ ‘inspectors’.
Dwar il-minuti mil-laqgħa tal-Bord fejn fihom ġie diskuss dan l-inċident, Xuereb sostna li huma kunfidenzjali. Madankollu Dr McKeon spjega li malli dawn jiġu ppreżentati, dawn il-minuti ser ikunu pubbliċi. Hawn Xuereb staqsa jekk jistgħux jiġu ppreżentati fil-magħluq.
Xhieda ta’ Mark Gauci – Eks Kap Eżekuttiv tal-OHSA
Hekk kif intemmet ix-xhieda tal-Perit David Xuereb, kien imiss lill-eks Kap Eżekuttiv tal-OHSA Mark Gauci, sabiex jixhed quddiem il-Bord tal-Inkjesta Pubblika.
Mistoqsi jekk hux se jkun qed jirtira b’moħħ seren, Gauci spjega li iva hekk kif dejjem ħadem b’integrità. Tenna li jekk seta’ għamel żbalji, huwa m’għamilx dan b’intenzjoni, u rranġa fejn seta’ żbalja.
Dwar in-nuqqas ta’ persuni biex jispezzjonaw is-siti ta’ kostruzzjoni, Gauci sostna li mhux faċli ssib persuni jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol hekk kif hemm bżonn ‘guts’ biex jiġu affaċċjati persuni fuq il-post tax-xogħol. Hawn issemma kif li jmorru żewġ persuni jispezzjonaw sit jitnaqqas ir-riskju ta’ theddid madankollu dan joħloq problemi ta’ ‘manpower.’ Intqal ukoll kif kien hemm inqas minn 10 każijiet fejn kien hemm bżonn li pulizija jakkumpanjaw lill-persuni mqabbda jispezzjonaw.
Gauci spjega wkoll li mhux minnu li l-inċidenti żdiedu. Spjega wkoll li l-fatalitajiet f’pajjiżna fuq il-post tax-xogħol iridu jittieħdu f’kuntest hekk kif żdiedu n-numtu ta’ ħaddiema. Fil-bidu tal-OHSA kien hemm 100,000 ħaddiema madankollu s-sena li għaddiet kien hemm 280,000.
Mistoqsi minn Dr McKeon hekk il-maġġoranza tal-fatalitajiet sarux fis-settur tal-kostruzzjoni, Gauci wieġeb fl-affermattiv, bi 72%. Dwar statistiċi, Gauci ġie mistoqsi wkoll jippreżenta kemm ġew akkużati persuni b’rabta ma’ saħħa u sigurtà, kemm il-każ ġew deċiżi u kemm għadhom pendenti, fost oħrajn.
Dwar l-inċident f’Kordin, Gauci spjega li l-uffiċjali tal-OHSA kienu hemm mil-bidu, jieħdu r-ritratti u mhux spettaturi biss kif qalu ċertu sezzjonijiet tal-midja. Tenna wkoll li l-OHSA staqsiet biex tkun preżenti fl-inkjesta maġisterjali madankollu din it-talba ma ntlaqgħetx.
Xhieda tal-Assistent Kummisarju Kenneth Haber
Il-Bord tal-inkjesta staqsa lill-Assistent Kummissarju dwar każijiet ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Haber sostna li din l-informazzjoni qed tinġabar hekk kif il-ġbir ta’ din it-tip ta’ informazzjoni mhux xi ħaġa sempliċi. Haber tenna li l-informazzjoni kollha mistennija tinġabar fi żmien ġimgħatejn jew tliet ġimgħat.
Xhieda tas-Supretendent Denise Miruzzi Mula u Franklin Calleja mir-reġistru tal-Qorti Kriminali
Is-Supretendent Denise Miruzzi Mula ppreżentat statistiċi dwar akkużi li rċeviet il-pulizija mill-OHSA bejn Settembru tal-2018 u Lulju tal-2023.
Tenniet li b’kollox ġew appuntati 526 każ, b’516 ġew deċiżi. 119-il każ għadhom pendenti. Intant Franklin Calleja mir-reġistru tal-Qorti Kriminali li kien hemm mat-800 każ relatati ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, b’700 ġew deċiżi fl-aħħar 5 snin.