12:30: Il-vapur MV LIFELINE m’huwa reġistrat imkien ħlief bħala “pleasure yacht” u għalhekk dan il-bastiment m’għandu ebda dritt għal nazzjonalitá. Dan għaliex vapur mingħajr stat jew bandiera ma jistax isalpa fl-ibħra internazzjonali. Hekk xehed Ivan Sammut li huwa Reġistratur Ġenerali tal-Bastimenti Merkantili fi ħdan Transport Malta li semma kif il-vapur MV LIFELINE mhux reġistrat taħt il-bandiera Maltija.
Bħalissa fil-Qorti hemm kommossjoni bejn il-Maġistrat Joe Mifsud u l-Avukat Mifsud li qed jidher għall-Kaptan tal-MV LIFELINE. Il-Maġistrat qed jhedded li bl-atteġjament tal-avukat ser jissospendi l-kawża.
12:27: “Baqa jwebbes rasu u ma obdiex l-istruzzjonijiet li ngħata miċ-Ċentri ta’ Kordinament ta’ Salvataġġ f’Ruma u wisq anqas ta’ Malta.”
Hekk xehed il-Kurunell Clinton O’Neill waqt is-smiegħ tal-każ tal-Kaptan MV LIFELINE li għaddej procedure legali wara li kiser ir-regolamenti internazzjonali. Il-Kurunell qal li minkejja li saru diversi tentattivi sabiex il-Kaptan tal-MV LIFELINE jikkuntattja ċ-Ċentru ta’ Salvataġġ Libjan. Peress li ma obda lill-ebda awtoratia’, sabiex jikkuntattja liċ-ċentru ta’ salvataġġ Libjan, l-awtoritajiet Maltin ġegħlu l-Kaptan ma jtajjar ebda bandiera. . Semma kif minkejja beda jwebbes rasu, Malta xorta waħda pprovdiet il-provvisti meħtieġa fosthom medicine kif ukoll ikel u xorb. Minkejja li l-Kaptan talab għall-għajnuna ta’ evakwazzjoni minħabba li kien hemm persuna bi ftuq, il-Vapur MV LIFELINE kien il-bogħod 12-il mil bogħod milli jidħol f’Malta madankollu ġie miżmum mill-awtoritajiet Maltin.
11:50: Il-Kaptan tal-bastiment MV Lifeline daħal f’Malta darbtejn- darba fl-10 ta’ Ġunju fis-13:00pm fejn ħareġ tlett ijiem wara, jiġifieri fit-13 ta’ Ġunju u reġa’ daħal darb’oħra fil-port Malti nhar is-27 ta’ Ġunju.
Aktar Qabel: Illum mistenni jkompli l-każ b’rabta mal-Kaptan Ġermaniż tal-bastiment MV Lifeline fejn qed jiġi mixli b’għadd ta’ akkużi.
Is-Sibt li għadda Claus Peter Reisch, ta’ 57 sena minn Munich ngħata l-police bail bil-kundizzjoni li ma jinżilx minn fuq il-bastiment. Fl-istess ħin il-bastiment jinsab maqbud mill-Qorti sakemm ikomplu l-investigazzjonijiet.
Hu qed ikun mixli b’għadd ta’ akkużi fosthom li uża l-vapur Lifeline meta ma kienx irreġistrat mal-Awtorità fir-Reġistru għal Bastiment Żgħar u li uża l-vapur fl-ibħra territorjali Maltin meta ma kellux il-liċenzja ta’ Transport Malta.
Il-Qorti qed tiġi ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud.