Fil-Qorti kompliet tinstema’ x-xhieda kontra il-manager tal-klabb tal-futbol ta’ Pembroke Uchenna Anyanwu, ta’ nazzjonalità Niġerjana, akkużat b’tixħim fil-logħba li ntlagħbet fil-11 ta’ Frar bejn Pembroke u l-Mosta.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elton Taliana spjegat kif lejlet il-logħba il-Pulizija rċeviet informazzjoni anonima dwar allegat tixħim.
Ftit wara il-Pulizija tkellmet mal-plejers tal-Mosta fil-post fejn jitħarrġu u skopriet li ċertu Obinna Obiefule offrielhom flus, offerti li saru minn struzzjonijiet li rċieva. Wara li l-logħba ntemmet b’ħamsa b’xejn għal Pembroke, il-Pulizija nvestigat żewġ plejers Mostin Victor Lucky u Chinatu Francis Onwindinjo suspettati li xxaħħmu.
Il-Pulizija għamlet tfittxija f’appartamenti tat-tnejn li huma u min ta’ Chinatu Francis Onwindinjo rriżulta li l-akkużat offrielu flus biex l-Mosta titlef il-logħba, offerta li rrifjuta. Xi ħaġa li qalha hu stess mal-Pulizija.
Quddiem il-Maġistrat Grazio Mercieca, l-Ispettur Taliana spjega kif wara mandat t’arrest l-akkużat kien instab f’appartament fin-Naxxar u ttieħed fl-għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara.
Fil-Qorti Obiefule spjega kif l-akkużat staqsieh jekk Onwindinjo kienx lest ibiegħ il-logħba u Obiefule qallu biex ma jinvolviehx u jekk irid ikellem lil Onwindinjo hu.
Mistoqsi dwar jekk l-akkużat kienx qed jagħmel dan f’isem ħaddieħor, Obiefule qal li hemm żewġ plejers oħra allegatament involuta fit-tixħim u li ta’ sikwit ikunu mal-akkużat. Il-każ għadu għaddej.