Matul din il-ġimgħa tkompla l-kampjonat tal-futsal lokali fejn it-Tnejn kien hemm żewġ logħbiet bis-sehem ta’ Valletta u Luxol.
Valletta għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 8-3. Għal Valletta kellna doppjetta ta’ Camilo Andres Vanegas Gomes u gowl kull wieħed għal Jovica Milijic, Shawn Vella, Denis Di Maio, Mohamed Lamari u Clint Farrugia. Il-gowls ta’ Swieqi United waslu mingħand Leonardo De Souza, Stefan Camilleri u Leo Muscat.
Luxol min-naħa tagħom għelbu lil Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 5-1. Għal Luxol skurja darbtejn Maicon Silva Gaiewski u gowl kull wieħed għal Matthew Attard, Mark Zammit u Marwan Telisi. L-uniku gowl tar-Rainbows ġie skurjat minn Armando Djepali.
Intant il-konfront ferm mistenni bejn Valletta u Luxol ma skedat għal Ġimgħa filgħaxija ma sarx, meta Valletta rtiraw milli jilagħbu wara li ħarġu stqarrija uffiċjali l-Ġimgħa filgħodu fejn urew id-diżappunt tagħhom għal xi deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tad-Dixxiplina tal-MFA.
F’logħba oħra li kellna din il-ġimgħa, mir-Rawnd tal-Elite, Birkirkara għelbu lit-tim tal-Istudenti tal-Università ta’ Malta bl-iskor ta’ 5-2. Għal Birkirkara skurja tliet darbiet Everton Da Silva Santos u gowl kull wieħed għal Jason Mifsud u Glenn Bonello. L-Universitarji sabu x-xibka permezz ta’ Ivan Jovanovic u awtogowl ta’ Glenn Bonello.
Mill-Ewwel Diviżjoni kellna logħba waħda li ntlagħbet il-Ġimgħa filgħaxija fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport fejn UM Futsal Academy tilfu kontra Swieqi United U21 bl-iskor ta’ 3-0. Il-gowls ta’ Swieqi waslu mingħand Dylan Gouder, Jurgen Ciantar u Misa Spajic.
Ritratt: Joe Borg