Fil-ġranet li ġejjin ser ikunu qed jibdew isiru l-ewwel testijiet tal-MRI f’Għawdex grazzi għall-investiment kontinwu li l-Gvern qed jagħmel fit-teknoloġija għall-kura tas-saħħa f’pajjiżna.
Dan tħabbar matul żjara fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li għamlu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u Djalogu Soċjali Chris Fearne, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri.
Permezz ta’ dan l-investiment f’magna tal-MRI qed titwettaq wegħda oħra tal-Gvern li se jkunu qed jibbenefikaw minnha madwar 3,000 persuna residenti f’Għawdex fis-sena. Apparti li se tonqos iż-żmien ta’ stennija għall-MRI, l-Għawdxin ser ikunu jistgħu jinqdew f’Għawdex stess.
Waqt iż-żjara, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega li l-konsulenti mediċi jordnaw madwar elf test tal-MRI fil-ġimgħa għal kundizzjonijiet varji u din il-magna tal-MRI f’Għawdex se tkun t’għajnuna kemm għall-professjonisti u pazjenti Għawdxin. Huwa stqarr li l-investiment ta’ €1.3 miljun Fondi Ewropej mill-Fond React EU se jippermetti li jkomplu jżidu l-għodod teknoloġiċi li bihom il-professjonisti tas-saħħa jistgħu joffru l-aqwa kura lill-pazjenti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li, “Illum qed naraw wegħda oħra ssir realtà għall-poplu Għawdxi. Dak li qed inħabbru llum huwa parti mill-investiment li l-gvern qed jagħmel għall-kura tas-saħħa f’Għawdex, fejn apparti l-investiment f’numru ta’ ċentri tas-saħħa u kliniċi fil-komunità, qed inkomplu ninvestu f’apparat mediku li huwa importanti għas-saħħa tal-pazjent.”
Il-Ministru Clint Camilleri qal li, “Din hija wegħda oħra mwettqa fejn l-Għawdxin se jkunu jistgħu jinqdew f’Għawdex stess. Dan huwa pass importanti ferm fejn jidħol investiment fis-saħħa f’Għawdex u jkompli ma’ sensiela ta’ investimenti li diġà saru u li se jkomplu jsiru. Dan ikompli juri kemm is-saħħa fil-gżira Għawdxija ser tibqa’ prijorità għal pajjiżna.”
Għal din iż-żjara kienu preżenti wkoll il-Ministru Anton Refalo u d-Deputata Abigail Camilleri, it-tnejn minn Għawdex ukoll.